Intervista | 'Malta marida bil-korruzzjoni. U Għawdex mhix eċċezzjoni'
Jitkellmu kontra l-iżvilupp żejjed f'Għawdex. Imma għaliex inqasmu f'żewġ għaqdiet? U allura xorta jaqblu mal-mina? U skużi, min qed japplika għal aktar żvilupp? Mhux l-Għawdxin stess? Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Julia Camilleri mill-għaqda Għawdix
minn Marianna Calleja
Għaliex inħass il-bżonn li tinfetaħ l-organizzazjoni “Għawdix”?
Għawdix inħolqot biex tinġibed l-attenzjoni lejn il-weġgħat u l-mistoqsijiet tal-Għawdxin fuq il-futur ta’ gżiritna, speċjalment fejn jidħol l-ambjent. Qed iseħħu diversi bidliet fil-pajsaġġ u l-komunitajiet tagħna, u waqt li nilqgħu progress bżonnjuż u xieraq, qed inħossu nuqqasijiet qawwijin fejn jidħol il-ħarsien tal-ambjent Għawdxi. Kemm se ddum tisma’ tgergir fuq bini ikrah u traffiku, biex insemmi biss tnejn? Iddeċidejna li hemm bżonn vuċi għall-Għawdxin ta’ bħalissa u dawk ġejjiena, għax ħaqqna ħajja ta’ kwalita’.
Fl-istess żmien kien hemm ukoll il-bidu ta’ organizazzjoni oħra bl-istess għan f’Għawdex. Għaliex ma ngħaqqadtux flimkien biex tkunu ferm aktar b’saħħitkhom?
Kif jiġru l-affarijiet hux! Wara xhur ta’ ppjanar miż-żewġ naħat, joħorġu żewġ movimenti għall-ambjent f’temp ta’ jumejn biss. Dan sinjal ċar ta’ kemm l-Għawdxin qed iħossu l-bżonn t’azzjoni u lesti jaħdmu għal dan l-għan. Mill-ewwel laqgħa ta’ bejnietna ndunajna li ż-żewġ għaqdiet għandhom għarfien divers x’joffru lil xulxin u lill-pubbliku. Hemm ħafna xogħol xi jsir – issa jsirx taħt isem wieħed jew tnejn, l-għan jibqa’ dejjem li nipproteġu l-ambjent u l-komunitajiet t’Għawdex. Ħerqanin li nkomplu naħdmu flimkien.
Jekk f’Għawdex qed isir żvilupp żejjed ta’ bini ġdid u aktar sulari, dan hu t-tort tal-Awtorità tal-Ippjanar iżda wkoll tal-Għawdxin stess li qegħdin japlikaw għal dan l-iżvilupp żejjed. X’inhu l-messaġġ tagħkhom lil dawn l-Għawdxin?
Il-kelma ‘tort’ nippreferu nħalluha barra. Jekk tfittex biżżejjed, issib li kulħadd għandu sehem fil-problemi li qed iseħħu madwarna. L-istruttura ekonomika, il-liġijiet, policies, u anke l-kultura ta’ pajjiżna kollha qed jikkontribwixxu għal dan l-iżvilupp eċċessiv. Il-bidla għandna bżonn issir f’kull aspett. Lill-Għawdxin ngħidulhom: jekk tħossu li m’għandkomx dritt issemmgħu leħinkom għax forsi investejtu fil-bini, jew tafu min bena, ftakru li m’aħniex qiegħdin hawn biex niġġudikaw lil xulxin, imma biex flimkien nieħdu ħsieb Għawdex u nżommu l-gżira fl-aħjar tagħha.
Jekk tfittex biżżejjed, issib li kulħadd għandu sehem fil-problemi li qed iseħħu madwarna. L-istruttura ekonomika, il-liġijiet, policies, u anke l-kultura ta’ pajjiżna kollha qed jikkontribwixxu għal dan l-iżvilupp eċċessiv
Id-domanda għal Għawdex hi kbira. Hi ħaġa tassew komuni li f’xi festa f’għawdex issib kullimkien ‘fully booked’. Ma tagħmilx sens allura li jkun hawn aktar fornituri tal-akkomodazzjoni f’Għawdex?
Kulħadd jieħu gost jiġi jqatta’ weekend Għawdex. Waqt il-pandemija nnutajna żieda enormi fit-traffiku minħabba li l-Maltin ġew iktar ta’ spiss igawdu l-Għawdex – u ma nagħtuhomx tort! Għawdex qiegħed hemm biex jitgawda. Iżda ma naqblux li biex Għawdex jitgawda, hemm bżonn jinkesa appartamenti li jintużaw għal ftit weekends fis-sena. In-nies li jgħixu Għawdex ta’ kuljum, li qed irabbu lil uliedhom, jew li qed igawdu l-mistrieħ wara ħajja ta’ xogħol, ma ħaqqhomx spazju miftuħ, post għall-kwiet, arja nadifa? Il-bilanċ huwa ta’ importanza assoluta. Nerġa ngħidha – Għawdix inħolqot biex isservi ta’ vuċi għall-Għawdxin.
Fuq il-paġna tagħkhom fuq facebook inthom ktibtu li ”l-għajta għall-bidla urġenti ġejja min-nies stess. Kif tista’ tibqa’ tiġi msikkta?” Taħsbu li hemm Għawdxin li qed jaċċettaw l-iskiet bħala ħlas tal-pjaċiri?
Se nżommha sempliċi din it-tweġiba. L-aħħar snin urewna biċ-ċar li Malta marida bil-korruzzjoni. M’hemmx raġuni biex taħseb li Għawdex hija eċċezzjoni. Pero f’Għawdex diġa rajna s-sindki tal-irħula jingħaqdu b’vuċi waħda għall-ambjent. Din ittina t-tama.
Wieħed mill-għanijiet tal-organizazzjoni tagħkhom hu li sservu bħala "pressjoni fuq l-awtoritajiet, il-gvern u entitatijiet politiċi." Kif beħsibkhom tagħmlu dan?
Fil-ftit ġimgħat li ilna naħdmu pubblikament, iltqajna ma’ diversi għaqdiet u entitajiet amministrattivi, l-aħħar fosthom il-Gozo Regional Development Association, biex inwasslu l-messaġġ t’Għawdix u nressqu mistoqsijiet bżonnjużi lejn min għandu l-poter u responsabilita’ li jweġibhom. S’issa morna l-Parlament darbtejn biex nagħmlu intervent quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet t’Għawdex (tistgħu issegwu l-intervent fuq il-Facebook page tagħna). Il-pjanijiet għaddejin, u x-xogħol se jkompli.
Dan l-aħħar qegħdin naraw numru ta’ residenti u anke attivisti li qegħdin jitkellmu kontra żvilupp żejjed fil-gżira Għawdxija. Biex inkunu onesti pero’ tajjeb namettu li l-iżvilupp ilu li laqat il-gżira tagħkhom, u dan jidher ċar f’postijiet bħal Xlendi u Marsalforn. Allura għaliex issa? Għaliex ma tkellimtux qabel?
Aħna u ħafna Għawdxin oħrajn ilna nitkellmu u nilmentaw bejnietna fil-pjazez, waqt l-ikla tal-Ħadd, fuq gruppi privati fuq Facebook... wasal iż-żmien fejn il-bżonn li nitkellmu b’qawwa fuq livell nazzjonali sar urġentissimu. Tgħidli, qabel kien urġenti ukoll! Ngħidlek, minn x’imkien trid tibda. Personalment inħossni grata li din is-sena sibt opportunita’ li ningħaqad ma’ ndividwi bl-istess għatx u determinazzjoni li nħoss fija nnifsi. Mhux faċli li wara ġurnata xogħol tibqa taħdem, taqra u tiddiskuti. Imma nappoġġjaw lil xulxin, għax dmirna hemm qiegħed.
X’inhuma dawk it-tlett affarijiet li ġraw f’Malta fl-aħħar ftit snin li ma tridux li jiġru lill-Għawdex?
Ma rridux li jkompli jitla’ bini li ġie mfassal mingħajr rispett lejn il-pajsaġġ ta’ madwaru. Ma rridux li t-traffiku jsir problema li tisraq ħinna ta’ kuljum. Ma rridux li fl-iżvilupp u ppjanar, l-ambjent jitqies fl-aħħar post jew anqas jiġi meqjus.
Il-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex se jwassal għal aktar karozzi u eventwalment għal aktar bini. Inthom taqblu ma’ dan?
Impossibli nwieġeb mistoqsija fuq proġett li għadu mistur. Mhux biżżejjed li politikanti jgħiduli li l-mina se ttejjibli ħajti. F’Malta kellna diskussjonijiet ħafna aktar dettaljati fuq proġetti jew deċiżjonijet b’ impatt ħafna iżgħar. Snin ilu għamilt intervent biex bħala waħda mill-Għawdxin għal min kieku ssir il-mina, nirċievi aċċess għal informazzjoni ċara, xjentifika u onesta fuq l-iskop u l-effetti tal-mina... għadni qed nistenna.
Jekk tfittex biżżejjed, issib li kulħadd għandu sehem fil-problemi li qed iseħħu madwarna. L-istruttura ekonomika, il-liġijiet, policies, u anke l-kultura ta’ pajjiżna kollha qed jikkontribwixxu għal dan l-iżvilupp eċċessiv
Wara li ħarġet l-aħbar li logħob tan-nar ikkawża nar fil-bajja tar-Ramla, ma tħossux li misskhom kontu aktar iebsin?
Kull waħda u wieħed minnha li jużaw Facebook jew jaqraw l-aħbarijiet jafu kemm hawn abbundanza ta’ kummenti b’ġudikament, rabja u kunflitt li fil-verita’ rari jwassal għal bidla pożittiva. Emminni, ir-rabja hemm tkun! Imma jekk inħarsu aktar fil-fond lejn is-sitwazzjoni, nindunaw li forsi mhix problema ta’ individwu iżda ta’ mentalita’ u liġijiet li jippermetu li ssir din il-ħsara. Jekk flok titkaża u tirrabja, titfa’ l-enerġija fid-djalogu man-nies, hemm ċans issib aktar lok għall-bidla.
Ħafna negozjanti jinsistu li jekk ma ssirx il-mina, f’Għawdex ma jista qatt jinħoloq aktar xogħol għar-residenti. Allura inthom taqblu li Għawdex għandu jibqa’ ġo bozza?
Il-bozza t’Għawdex ilha li nfaqgħet. L-iżvilupp qed isir mingħajr ebda mina. Imma x’tip ta’ żvilupp qed isir? Dan l-iżvilupp qed iwassal għal aktar xogħol għall-Għawdxin? U wara li ssir il-mina, xi pjan hemm għall-iżvilupp f’Għawdex? Dawn huma biss ftit mill-mistoqsijiet li qed insaqsu bħala Għawdix. Mhux faċli jitwieġbu. Imma dmirna qiegħed hemm.