Il-pressjoni fuq Malta mistennija tkompli tiżdied biex twettaq ir-rakkomadazzjonijiet tal-FATF wara li lbieraħ ir-Renju Unit poġġa lil pajjiżna fil-lista ta' "Riskju Għoli" għal ħasil ta' flus u ffinanzjar tat-terroriżmu. Din id-deċiżjoni ttieħdet propju fid-dawl tal-fatt li l-FATF ftit ġimgħat ilu poġġiet lil Malta fil-Lista l-Griża wara l-vot kontra Malta mir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Istati Uniti. Kien irrapportat li l-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi fl-FATF ma qablux ma' din id-deċiżjoni, anke fid-dawl tal-fatt li Malta wettqet il-maġġoranza assoluta tar-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li l-Moneyval għaddiet lil pajjiżna mit-test li jitratta l-ġlieda ta' Malta kontra l-ħasil tal-flus.
Osservaturi fil-qasam finanzjarju qalu ma' din il-gazzetta illi dan mistenni jitfa' pressjoni kbira fuq Malta, biex malajr kemm jista' jkun tara li jkun hemm azzjoni fuq kwistjonijiet ta' ħasil ta' flus u anke jittieħdu ċerta passi li jaf ikunu jfissru illi persuni jitressqu l-Qorti fuq akkużi ta' din in-natura.
Il-pajjiżi li flimkien ma' Malta jinsabu fuq il-Lista ta' 'Riskju Għoli" tar-Renju Unit huma l-Iran, il-Ġamajka, il-Panama, l-Uganda u s-Sirja.