L-iskema ta' vouchers għal turisti tal-għadds, li tara kull turist f'dan is-settur jieħu voucher ta' €100 li jrid jintefaq f'wieħed miċ-ċentri tal-għadds imxerdin madwar Malta u Għawdex, għalqet hekk kif applikaw il-massimu ta' turisti għaliha. B'kollox kienu 7,400 turist lejn Malta li għamlu jew se jkunu qed jagħmlu użu minn dawn il-vouchers.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kien qal illi din il-miżura se tħalli €12-il miljun fl-ekonomija tal-pajjiż u swiet €750,000.
Skema simili mħabbra mill-Gvern kienet għal dawk li għandhom guest house jew boutique hotel li se jieħdu €1,000 għal kull stabbiliment, filwaqt li lukandi ta' żewġ stilel li se jieħdu €500 għal kull stabbiliment. Hostels u holiday furnished flats se jieħdu €250 għal kull proprjetà. Dawn il-flus se jingħataw bil-patt u l-kundizzjoni li jintefqu fuq marketing tal-proprjetà, bil-Gvern jaċċerta li dan huwa l-każ qabel jgħaddi l-flus.
Intant il-Ministru kien ħabbar skema oħra, din id-darba għas-settur tal-konferenzi li se tiswa' €4 miljuni. Permezz ta' dan l-inċentiv il-Gvern se joffri €75 meta n-nefqa tkun ta' bejn €600 u €800 għal kull delegat, u rifużjoni ta' €150 għal kull delegat meta n-nefqa taqbeż it-€800 għal kull delegat.
€3 miljun oħra kienu mħabbrin f'għajnuna sabiex operaturi tal-ivvjaġġar jiġġeneraw aktar bookings lejn Malta u Għawdex.