Il-Kamra għall-Kummerċ tappella lill-awtoritajiet biex jirrevedu l-miżuri tal-kwarantina

Il-Kamra saħqet li ma jagħmilx sens li persuni mlaqqma jispiċċaw fi ħmistax kwarantina jekk ma jkollhomx kuntatt dirett ma' persuni pożittivi

Uffiċjali jikkontrollaw persuni li jinsabu fi kwarantina
Uffiċjali jikkontrollaw persuni li jinsabu fi kwarantina

Il-Kamra għall-Kummerċ qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-saħħa biex issa li 81% tal-popolazzjoni hija mlaqqma kompletament, jirrevedu l-miżuri dwar il-kwarantina biex jieħdu inkonsiderazzjoni t-tilqim.

Fil-fatt, il-Kamra qed tisħaq li ma jagħmilx sens li persuni mlaqqma jitpoġġew fi kwarantina meta ma jkunux ġew f'kuntatt dirett ma' persuni li huma mlaqqma. Fi stqarrija, insistew li l-impjegaturi qed ibatu u jidħlu fi spejjeż, speċjalment meta l-impjegati ma jkunux jistgħu jaħdmu mid-dar.

Il-Kamra qalet li taf b'każi ta' familji sħaħ li spiċċaw fi kwarantina ta' 14-il ġurnata wara li wieħed minn uliedhom, li ħa l-ewwel doża, ġie f'kuntatt ma' persuna pożittiva għall-virus waqt Skola Sajf. "Dan ma jagħmilx sens," kompliet l-istqarrija.

"Jekk vera nemmnu fil-vaċċin u li dan ikisser il-katina tal-infezzjoni, allura għandna nkunu pragmatiċi u ma nitfgħux lil kulħadd f'keffa waħda," insista.

Kompliet tisħaq li ma jagħmilx sens lanqas li impjegaturi qed iħeġġu lill-impjegati biex jitlaqqmu u mbagħad, l-awtoritajiet, mhux qed jitrattaw lill-impjegati mlaqqma differenti minn oħrajn li ma ħadux it-tilqima.

Għamlet ukoll referenza għall-fatt li fuq perjodu ta' ġimgħa, jekk wieħed jieħu l-medja, l-għadd ta' pazjenti li qed ikollhom bżonn kura fl-isptar qed jibqa' inqas minn 0.8% tat-total tal-każi attivi.

More in Politika