Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), li tirrappreżenta lit-tobba Maltin, saħaq mal-gazzetta ILLUM li jekk mhux se jkunu introdotti aktar miżuri restrittivi, il-każi mhux se jinżlu. Mill-banda l-oħra, Tony Zahra, il-President tal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil-lukandi u r-ristoranti (MHRA) insista mal-gazzetta ILLUM li wieħed ma jistax jaqbad u jaqta’ linja għax jekk il-pajjiż jerġa’ jagħlaq, se jfalli.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Balzan u anke ma’ Zahra dwar l-għadd ta’ każi ta’ Covid-19 li Malta qed tirreġistra kuljum minn meta faqqgħu diversi każi fost l-istudenti barranin li kienu Malta biex jistudjaw l-Ingliż.
Madanakollu issa l-każi infirxu wkoll fost il-Maltin u kien għalhekk li Balzan sejjaħ għal aktar miżuri restrittivi.
“Għadni mhux qed nara li n-numri qed jinżlu. Tant infirex fost il-Maltin u residenti f’Malta li mhux qed nara li n-numri se jinżlu mingħajr miżuri restrittivi,” insista Balzan. “Jekk irridu noħorġu mil-lista l-ħamra taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u jekk irridu li t-turisti jibbukjaw, irridu nnaqqsu n-numri. Bla miżuri mhux se jonqsu.”
Fil-fatt, Balzan insista li aktar ma jkun hemm nies jissoċjalizzaw u attivitajiet li jġibu lin-nies flimkien, aktar se jkun hemm it-tixrid tal-virus. Kien hawn li saħaq li jekk wieħed iħares lejn in-numri, jinnota li t-Tlieta u l-Ħamis, il-każi ġeneralment ikunu aktar għolja, għax ikunu jirriflettu n-nies li ħarġu l-Ġimgħa u s-Sibt, rispettivament.
Mistoqsi dwar l-importanza tal-contact tracing (ara aktar ‘l isfel), Balzan insista li dan huwa importanti biex jinżlu n-numri imma mhux biss.
“Jekk mhux se jinżlu n-numri, it-turiżmu se jbati,” insista Balzan.
Fil-fatt saħaq li t-turiżmu qed ibati u qed jitħassru l-bookings, mhux għax Malta qed titlob iċ-ċertifikat tal-vaċċin, imma minħabba n-numri.
“It-turisti mhux qed jiġu, għax hawn ħafna Covid,” insista.
L-ILLUM fakkritu li minkejja li l-każi qed jiżdiedu drastikament, l-għadd ta’ pazjenti fl-isptar qed jibqa’ minimu u stabbli u sa issa, minn meta l-virus reġa’ għolla rasu, ma kinux irreġistrati mwiet. Se nibqgħu nħarsu biss lejn in-numri?
“Sa issa l-ECDC tħares lejn il-każi u mhux kemm hemm persuni l-isptar meta tiġi biex tikklasifika l-pajjiżi,” wieġeb pront il-President tal-MAM. “Nibqa’ nisħaq li mingħajr miżuri, in-numri mhux se jinżlu waħedhom. Jekk se ndumu wisq fuq il-lista l-ħamra, it-turiżmu mhux se jirkupra.”
‘Ħadd ma għandu soluzzjoni maġika ... imma jekk se nagħlqu se nfallu’
Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Tony Zahra, President tal-MHRA, li saħaq li mhux faċli li wieħed jaqbad u jaqta’ linja.
“Jekk tħares lejn il-professjonisti mediċi se jgħidulek li jekk trid li ma jkunx hawn każi, trid tagħlaq kullimkien. Għandhom raġun għax hekk jiġri. Jekk tħares lejn il-bankiera, li għandhom miljuni msellfin lejn it-turiżmu, jgħidulek li jekk se tagħlaq kollox, it-turiżmu se jfalli u se jfalli t-turiżmu wkoll. Anke dawn għandhom raġun,” insista Zahra.
Kien għalhekk li appella biex minn dawn iż-żewġ estermi, il-pajjiż jeħtieġ isib it-triq tan-nofs li jrid jgħaddi minnha. “Ħadd ma għandu formula maġika,” saħaq.
Insista wkoll li jekk wieħed jiftaħ il-midja, jinduna li din hija sitwazzjoni li mhux Malta biss għaddejja minnha. Fakkar kif pereżempju fi Franza, biex persuna tidħol f’ristorant, se tkun qed tintalab bilfors ċertifikat tal-vaċċin.
“Li rridu nagħmlu huwa li naħdmu aktar flimkien biex naraw kif nistgħu nsibu l-aħjar soluzzjoni,” tenna. “Din hija l-pożizzjoni tagħna.”
Fakkar ukoll li Malta dieħla fl-20 xahar tal-pandemija u f’dan l-istadju trid persuni li kapaċi jifhmu l-implikazzjonijiet kollha qabel jieħdu pożizzjoni jew deċiżjoni biex is-soluzzjoni tkun waħda li tagħmel sens u li tagħti nifs lill-industrija tat-turiżmu biex tibqa’ ħajja.
“Jekk mhux se nagħmlu dan jew naqbdu u nagħlqu, il-pajjiż se jfalli,” temm jisħaq.