Il-Gvern qed jaħdem fuq l-ewwel strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bniedem

It-30 ta' Lulju huwa rikonoxxut bħala l-Jum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffikar ta' Persuni

"Malta ilha tiġġieled kontra r-reat tat-traffikar tal-bnedmin għal snin twal u l-Gvern issa huwa impenjat sabiex iwaqqaf l-ewwel strateġija nazzjonali kontra dan it-traffikar." Hekk saħaq il-Ministru responsabbli mill-Ugwaljanza, Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġiet imnedija l-kampanja Blue Heart Campaing tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jum Dinji Kontra t-Traffikar tal-Persuni.

Il-Ministru saħaq li din l-istrateġija se tkun imfassla fuq multiagency approach, fejn il-partijiet interessati kollha se jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

It-30 ta' Lulju huwa rikonoxxut bħala l-Jum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffikar ta' Persuni u ġie stabbilit bħala jum ta' inizzjattiva globali biex titqajjem kuxjenza dwar il-forom differenti ta' traffikar tal-bnedmin u l-impatt devastanti li dan iħalli fuq il-vittmi, kif ukoll bħala turija ta’ solidarjetà magħhom.

Din l-inizzjattiva għandha l-għan li tinkoraġġixxi involviment kemm mill-gvernijiet, mis-soċjetà ċivili, mis-setturi tan-negozju, kif ukoll mill-individwi, biex tispira azzjoni u tgħin fil-prevenzjoni ta' dan ir-reat. Dan waqt li twassal tagħrif dwar kif vittma tista’ tfittex l-għajnuna

Il-Gvern se jkun qed juri appoġġ lejn din il-kawża, billi jixgħel bini prominenti bħall-Berga ta' Kastilja u Funtana tat-Tritoni b’dawl blu, fid-29 u t-30 ta' Lulju. Il-qalb blu hija rikonoxxuta bħala s-simbolu internazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin, u tirrappreżenta n-niket tal-vittmi li qed jiġu traffikati.

It-tema internazzjonali għal din is-sena hija dik ta' "L-Ilħna tal-Vittmi Jmexxu t-Triq." 
 
Bħala parti minn din il-kampanja, twaqqfet ukoll wirja fi Pjazza Tritoni b’ banners, li juru l-esperjenzi ta' għadd ta' vittmi tat-traffikar tal-persuni, li se jintwerew fuq kubi fi Pjazza Tritoni. Din il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn it-Tnejn 26 ta' Lulju u l-Ġimgħa 30 ta' Lulju (iż-żewġ ġranet inklużi).

L-għan ta' din l-inizjattiva huwa li tqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar is-sitwazzjoni tat-traffikar f'Malta, bħala parti minn kampanja usa' organizzata mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem bl-istess tema.
 
Waqt id-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Owen Bonnici spjega li l-Gvern għandu d-dmir li jisma' l-istejjer tal-vittmi u jikkunsidra s-suġġerimenti tagħhom sabiex ikun jista' jieħu azzjonijiet konkreti, li se jwasslu għal approċċ mibni madwar il-vittmi biex jiġġieled it-traffikar fil-forom kollha tiegħu.

More in Politika