Il-Kunsill Lokali ta' Marsaskala jaqbel mal-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) u l-pjanijiet ta’ ‘riġenerazzjoni’ li huma beħsiebhom isiru bejn Triq ix-Xatt sa Triq is-Salini.
Fi stqarrija huma qalu li jemmnu li għandu jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-Kunsilliera fil-proċess kollu u li l-Kunsill jirriserva d-dritt li ma jaqbilx u joġġeżżjona wkoll kemm-il darba l-proġett magħżul ma jkunx dak li jridu l-maġġoranza tal-Kunsilliera.
Il-Kunsill issuġerixxa wkoll li sseħħ fażi ta' konsultazzjoni mal-pubbliku. b'mod speċjali mar-residenti biex b'hekk ikunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.
Din l-istqarrija, li ħarġet propju illum, ġiet mibgħuta mill-Kunsill wara li l-ġimgħa l-oħra, residenti Skalin kitbu ittra lill-Ministru għat-Turiżmu biex iwaqqfu l-istess Kompetizzjoni tad-Disinn.
Permezz ta' din l-ittra, ir-residenti esprimew l-biża' tagħhom li l-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu hija "skuża uffiċjali biex isiru xogħlijiet fi Ġnien Sant’ Anna u l-madwar."
Ir-residenti spjegaw kif dawn ix-xogħlijiet diġà ġew ippjanati minn sottokumitat li waqqaf is-sindku u li, għal iktar minn sentejn, iltaqa’ bil-moħbi biex jaħdem fuq bosta proposti għal Wied il-Għajn fi sħab ma’ Infrastruttura Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu.