Il-familja Caruana Galizia jaċċettaw l-apoloġija tal-Prim Ministru
Paul Caruana Galizia qal li l-familja lesta tiltaqa’ mal-Prim Ministru
More in Politika
Paul Caruana Galizia qal li l-familja lesta tiltaqa’ mal-Prim Ministru
Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia aċċettat l-apoloġija tal-Prim Ministru dwar in-nuqqasijiet tal-Istat "meta rawwem l-ambjent li wassal għall-assassinju tal-ġurnalista."
Waqt konferenza stampa, it-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia, Paul Caruana Galizia, qal li l-familja taċċetta l-apoloġija, u stqarr li l-apoloġija kienet dovuta lill-pajjiż.
Filwaqt li l-familja m’għandha l-ebda pjan li tiltaqa' direttament mal-Prim Ministru, Caruana Galizia qal li lesta tiltaqa miegħu jekk jasal joffri.
L-apoloġija tal-Prim Ministru ġiet wara li l-Bord tal-Inkjesta pubblika r-rapport dwar l-assassinju tal-ġurnalista u qies lill-Istat Malti responsabbli li rawwem ambjent ta' impunità li ffaċilita l-qtil tagħha.
Il-familja Caruana Galizia flimkien mat-tim legali tagħhom u numru ta' attivisti, ilhom sentejn jiġġieldu biex tinħatar inkjesta pubblika, bil-gvern jaqbel mal-proposta lejn tmiem l-2019, ftit qabel ma ġie arrestat Yorgen Fenech.
Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, l-attivisti mal-ewwel bdew jitolbu għar-riżenja tal-membri tal-Kabinett li ssemew fir-rapport tal-inkjesta għal nuqqasijiet jew għemil ħażin fit-tħejjija għall-assassinju tal-ġurnalista.
F’dan ir-rigward, Paul Caruana Galizia qal li l-familja qed tistenna responsabbiltà sħiħa.
Sadanittant, il-Kap tad-Difiża tal-familja, Therese Comodini Cachia, insistiet li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-inkjesta għandhom jiġu implimentati minn kumitat indipendenti u imparzjali.