L-ewwel tliet attivitajiet tal-massa imma b'kontrolli, organizzati mill-Gvern qed jistennew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, tista' tiżvela l-gazzetta ILLUM. Dawn l-attivitajiet organizzati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huma proposti li jsiru matul Settembru, ikunu miftuħin għal persuni vvaċċinati biss, ikunu attivitajiet bilqiegħda u n-nies se jkunu f'bubbles ta' mhux iktar minn 330 persuna kull wieħed.
L-attivitajiet - fuq il-Fosos tal-Furjana - huma Joseph Calleja in Concert nhar it-3 ta' Settembru, il-BBC Orchestra in Concert nhar l-24 ta' Settembru u Pete Tong Malta Classics nhar it-28 ta' Settembru.
Il-proposti li rat din il-gazzetta ifissru li persuna ma tistax taqbad u tmur għal din l-attività jekk mhux wara li ssegwi proċess li fost oħrajn, jaċċerta li persna hija vvaċċinata. Jekk mhux vvaċċinata persuna mhux se titħalla tidħol.
Kull min irid jattendi ikun irid l-ewwel imur f'dawk li se jissejħu Voucher Accreditation Hub madwar il-pajjiż b'ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut u karta tal-identità. Wara li dawn id-dokumenti jkunu verifikati tingħata wristband li persuna tuża biex tidħol.
Kull min jattendi jkun irid jagħti dettalji għal kwistjonijiet ta' contact tracing.
Din il-gazzetta tinsab infurmata illi l-Voucher Accreditation Hubs se jkunu f'Buġibba, Pembroke, il-Belt Valletta, Raħal Ġdid, Ħal Qormi, il-Mosta, l-Ajruport u Għawdex.
L-MTA qed tipproponi wkoll li n-nies ipoġġu fi gruppi li ma jaqbżux is-sitt persuni f'bubbles ta' mhux aktar minn 330. Dan sabiex f'każ ta' Covid-19 il-virus ma jinxteridx ħafna għajr għal forsi fost uħud fl-istess bubble. Għal kull bubble l-MTA qed tipproponi dħul separat ukoll.
Waqt li persuna tkun fil-kju trid tilbes il-maskra, sakemm tpoġġi bilqiegħda.
Dawn il-proposti jiġu hekk kif sa issa attivtajiet tal-massa mingħajr kontrolli f'termini ta' numri għadhom mhux qed jitħallew u minkejja li l-Gvern mistenni jħabbar x'se jiġri wara s-16 ta' Awwissu, iż-żidiet fin-numri fl-aħħar ġimgħat, kemm ta' każi imma anke ta' nies l-isptar, reġgħu fixklu xi ftit mill-progress kbir li kien sar.
Ir-rata ta' vaċċinazzjoni f'Malta hija waħda għolja ħafna u taqbeż it-80% - ħafna iktar mill-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Ewropa.