Il-Gvern fl-aħħar stadji fin-negozjati ma' Steward Healthcare

Id-Deputat PM Chris Fearne jassigura li l-ħaddiema ta' Steward mhux se jitilfu xogħolhom

 

L-Isptar San Luqa, wieħed mil-isptarijiet fil-konċessjoni
L-Isptar San Luqa, wieħed mil-isptarijiet fil-konċessjoni

Il-Gvern jinsab fl-aħħar stadji ta' diskussjonijiet u negozjati ma' Steward Healthcare b'xi forma ta direzzjoni mistennija fiż-żmien li ġej. Il-gazzetta ILLUM ġiet infurmata b'dan mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f'intervista estensiva li ħafna minnha dehret nhar il-Ħadd li għadda u li l-aħħar parti tagħha qed tiġi ppubblikata fil-gazzetta llum il-Ħadd. 

Fearne qal li tkun xi tkun it-triq 'l quddiem, li sostna illi issa hija ċara, l-impjegati kollha se jibqgħu bl-impjieg tagħhom assigurat. 

Dawn id-diskussjonijiet bdew ftit wara li Robert Abela nħatar Prim Ministru, fid-dawl tal-fatt li Steward Healthcare kienu magħżulin mill-VGH stess, li għalqu l-operat tagħhom u ċedew il-konċessjoni wara nuqqasijiet finanzjarji serji. 

Il-kuntratt mal-VGH kien wieħed mill-aktar kontroversjali u kien mmexxi mill-eks Ministru Konrad Mizzi. Kien kontroversjali għal diversi raġunijiet, fosthom il-fatt li VGH ma kellhom ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa, minħabba l-wiċċ tal-VGH f'Malta Ram Tumuluri li kien instab ħati ta' serq minn Qorti Kanadiża u li wara rriżulta li kien ta bonus miljunarju lilu nnifsu u minħabba li l-VGH  - minkejja eluf mogħtijin lilha - ma għamlet kważi xejn minn dak li kellha twettaq fil-proġett. Din il-gazzetta kienet żvelat kif il-kumpanija ma kinitx ħallset lill-ħaddiema tal-IT u lanqas lill-kuntratturi, minkejja l-flus li kienu ingħatawlha u l-investiment li kien sar mill-Gvern ċentrali fl-isptar ta' Għawdex qabel dan ingħata lill-VGH. 

Is-sid aħħari tal-kumpanija li tagħha tifforma parti l-VGH, fil-British Virgin Islands, qatt ma sar magħruf. 

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kien fetaħ kawża l-Qorti sabiex il-ftehim mal-VGH jiġi ddikjarat null. 

Il-Ministru Fearne kien iddikjara li dak ma' Steward kien "the real deal".  Jidher iżda li Abela ma kienx kuntent b'dan il-ftehim, minn fejn bdew elenku ta' diskussjonijiet mal-kumpanija. 

 

More in Politika