F'numru ta' postijiet madwar il-pajjiż ittellgħu billboards li qed jiżżufjettaw b'dak li Edward Zammit Lewis qed ikun akkużat li qal lil Yorgen Fenech fuq Whatssapp Chat, meta saħaq li l-votant Laburista huwa ġaħan għax jippreferi l-pożi milli s-sustanza. Zammit Lewis kellu wkoll konverżazzjonijiet ma' Yorgen Fenech fuq 17 Black wara li sar magħruf li din il-kumpanija d-Dubaj fil-fatt kienet ta' Fenech u kienet ukoll marbuta mal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Dawn il-billboards ttellgħu mill-Partit Nazzjonalista li waqt konferenza tal-aħbarijiet wara nofsinhar sostna li dan il-Ministru ma jistax jiġi fdat bit-twettiq tal-proposti tar-rapport tal-inkjesta wara li sostna illi minn jeddu tħabbeb ma’ Yorgen Fenech, "u tah l-appoġġ tiegħu fi żmien wara li kien sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black."
Il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, il-President għar-Riċerka Politika, Martina Caruana, u d-Deputat Karol Aquilina qalu li, "sal-lum Edward Zammit Lewis għadu ma jara xejn ħażin li huwa ħabib kbir ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li hu s-sid ta’ 17 Black."
"Edward Zammit Lewis ma jistax ikun il-Ministru tal-Ġustizzja li jkun fdat biex iwettaq dawn il-bidliet li l-inkjesta tirrakomanda biex jiġu evitati reati ta’ abbuż," temmew jgħidu Agius, Caruana u Aquilina.
Intant llejla Repubblika se torganizza protesta quddiem il-Ministeru ta' Zammit Lewis fil-Belt Valletta.