Il-Prim Ministru jiltaqa' mal-familja Caruana Galizia
Jidher li waqt il-laqgħa l-Prim Ministru tkellem dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-bord tal-inkjesta pubblika
More in Politika
Jidher li waqt il-laqgħa l-Prim Ministru tkellem dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-bord tal-inkjesta pubblika
Il-Prim Ministru Robert Abela, ilbieraħ, iltaqa' mal-familja ta' Daphne Caruana Galizia waqt laqgħa privata wara li l-ġimgħa li għaddiet kien ippubblikat ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista.
L-inkjesta pubblika żammet l-Istat responsabbli għal dan l-assassinju, bir-rapport jisħaq li kultura ta' impunità waslet biex Daphne nqatlet.
Skont The Times of Malta, għal-laqgħa attendew Peter Caruana Galizia, ir-raġel ta' Daphne, uliedhom u anke oħtha Corinne Vella.
Id-dettalji ta' dak diskuss mhumiex magħrufa iżda jidher li tkellmu dwar kif il-Gvern se jkun qed jimplimeta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.
Skont il-gazzetta, kumpens lill-familja ma kienx diskuss.
Ir-rapport, twil aktar minn 400 paġna, ikkonkluda li l-kultura ta' impunità li nħolqot fil-pajjiż u li nxterdet fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Gvern u l-pajjiż, kienet responsabbli għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Ikkonkluda li l-Istat naqas milli jirrikonoxxi ir-riskju "reali u immedjat" għall-ħajja tal-ġurnalista li nqatlet. Insista li l-Istat falla milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevita dan ir-riskju.
Wara l-pubblikazzjoni, il-Prim Ministru kien talab maħfra pubblika għan-nuqqasijiet tal-Istat.
Abela kellu wkoll laqgħa ma' delegazzjoni mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li matulha wkoll iddiskuta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinvolvu lill-ġurnalisti.