Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-16 ta' Awwissu, persuni li huma mlaqqma kompletament u li jiġu f'kuntatt dirett ma' persuna pożittiva għall-Covid-19, se jkunu jistgħu jagħmlu kwarantina ta' sebat ijiem u mhux ta' erbatax-il ġurnata.
Fearne qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew imħabbra r-rilaxx ta' aktar restrizzjonijiet. Il-Ministru qal li ġaladarba l-għadd ta' pazjenti fl-isptar baqa' wieħed baxx u l-istess ir-rata tal-imwiet, anke jekk il-każi żdiedu, jistgħu jiġu rilaxxati aktar miżuri.
Għalhekk, dawk il-persuni li jkollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin u li jkunu mitluba jagħmlu kwarantina, mhux se jkunu qed jagħmlu ħmistax iżda sebat ijiem.
Il-Ministru spjega li dawn il-persuni se jkunu qed jirċievu notifika b'żewġ dati, jiġifieri dik ta' erbatax il-ġurnata u dik ta' sebat ijiem wara, fejn fi-seba' ġurnata, min hu mlaqqam kompletament, se jkun qed isirlu swab test li għalih se jkun hemm żewġ hubs speċjalizzati. Ir-riżultat se jkun qed joħroġ dakinhar stess.
Jekk persuna tirriżulta negattiva, tkun tista' toħroġ.
Persuni li jkunu pożittivi għall-virus u dawk li jgħixu magħha, xorta waħda jridu jagħmlu kwarantina ta' erbatax-il ġurnata. Fil-każ ta' persuni li jkunu ġejjin minn barra minn Malta, jekk ikun hemm bżonn jagħmel kwarantina, din tibqa' ta' erbatax-il ġurnata.
"Dan kollu nistgħu nagħmluh għax irnexxilna jkollna t-tilqima u għax irnexxilna nlaqqmu ħafna nies," insista Fearne waqt li fakkar li madwar id-dinja hemm inqas minn 10% tal-popolazzjoni li hija mlaqqma.
Jiżdied l-għadd ta' persuni li jistgħu jattendu attivitajiet ... xorta waħda bilqiegħda
Apparti minn hekk, il-Ministru Chris Fearne ħabbar ukoll li mis-16 ta' Awwissu, dejjem bir-restrizzjonijiet u l-protokolli eżistenti, għal attività se jkunu jistgħu jattendu sa massimu ta' 300 persuna bilqiegħda.
Mit-30 ta' Awwissu, dan l-ammont jitla' għal 500, bl-udjenza tibqa' dejjem bilqiegħda.
Kull min jattendi għal dawn l-attivitajiet, inkluż l-istaff, irid ikollu ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal li għandhom bejn sitta u 12-il sena jridu jippreżentaw test negattiv tal-Covid-19 li jkun sar fis-sigħat ta' qabel. Eżenti biss tfal taħt il-ħames snin.
Aqra wkoll: