L-Arċidjoċesi tara d-dħul mill-ġbir jonqos b'miljun ewro minħabba l-għeluq tal-Knejjes

Il-Knisja tgħid li l-Covid Wage Supplement għen biex l-Arċidjoċesi setgħet iżżomm l-impjegati kollha u żżid fuqhom

FI-2020, l-Arċidjoċesi ta’ Malta, li tiġbor fiha iktar minn 100 entità u timpjega iktar minn 1,300 persuna, irreġistrat tnaqqis drastiku fis-surplus minn €3.5 miljun fis-sena 2019 għal €1.2 miljun fis-sena 2020. Iż-żewġ fatturi ewlenin li kkontribwixxew għas-surplus kienu d-dħul ta’ darba f’ishma li rċeviet Fondazzjoni Sebħ, kif ukoll wirtijiet li rċevew id-Dar tal-Providenza u d-Dar tal-Kleru.

Dan tħabbar mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof fejn qal li l-pandemija ġabet magħha sfidi finanzjarji kbar. Pace Ross spjega li l-pandemija kellha effett negattiv fuq id-dħul tal-Arċidjoċesi li naqas b’iktar minn €3 miljuni. Dan it-tnaqqis kien dovut l-iktar għan-nuqqas ta’ dividend mill-APS Bank u inqas dħul mill-ġbir. Minħabba li l-knejjes kienu magħluqin bejn Marzu u Ġunju, id-dħul mill-ġbir fil-parroċċi naqas b’iktar minn €1 miljun, jew 40%, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Dan apparti tnaqqis fid-dħul minn donazzjonijiet ta’ kważi €767,000. It-tnaqqis fit-turiżmu wkoll kellu impatt fuq id-dħul tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina u tal-Bażilika tal-Mosta, fejn in-numru ta’ viżitaturi naqas b’iktar minn 80%.

Min-naħa l-oħra, ġew irreġistrati żidiet fid-dħul minn wirtijiet u minn fondi pubbliċi, inkluż minn skemi ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Gvern matul il-pandemija. Minħabba l-pandemija ġew posposti għadd ta’ proġetti u xogħlijiet. B’riżultat ta dan, l-Arċidjoċesi rreġistrat tnaqqis ta’ €2.6 miljuni fl-infiq. 66% tal-infiq totali mar għall-pagi tal-kleru u l-lajċi. L-ispejjeż tal-operat, inkluż l-infiq fuq manutenzjoni, restawr u konservazzjoni, naqsu bi 15%. Il-Kurja tal-Arċisqof irreġistrat telf sostanzjali ta’ €4.5 miljun wara li ma rċevietx dividend mill-APS Bank fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-COVID wage supplement għen biex l-Arċidjoċesi mhux biss iżżomm lill-impjegati kollha, imma wkoll żiedet l-impjegati li jaħdmu direttament

More in Politika