L-organizzazzjoni Repubblika llum għamlet protesta b'differenza iżda l-messaġġ kien l-istess hekk kif kompliet issejjaħ għar-riżenja tal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis.
Fil-fatt, l-organizzazzjoni daret diversi lokalitajiet, foshtom il-Belt u Birkirkara (id-distrett tal-Ministru) b'jeep, b'ritratt ta' Zammit Lewis u Yorgen Fenech u anke bl-ispeakers, b'messaġġi biex hu jirriżenja.
Il-pressjoni fuq il-Ministru żdiedet hekk kif ġew ippubblikati biċċiet minn chat li hu kellu ma' Fenech, l-allegat mandant tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u li juru familjarità bejn it-tnejn.
Repubblika qed tisħaq li l-pożizzjoni tal-Ministru mhijiex tenibbli hekk kif Zammit Lewis baqa' viċin Fenech anke wara li sar magħruf li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Fl-2019, waqt konferenza tal-Partit Laburista, Zammit Lewis kif attakka sejħiet biex jittieħdu passi dwar il-kumpanija 17 Black u l-allegati rabtiet tagħha mal-Electrogas u l-kumpaniji fil-Panama tal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff ta' Kastilja, Keith Schembri.
F'chat ma' Fenech, ftit wara din il-konferenza, Zammit Lewis saħansitra jirreferi għall-votant Laburist bħala 'Gaħan.'