L-Enemalta titlob apoloġija għall-qtugħ fid-dawl kawża ta' nuqqasijiet fis-sistema tad-distribuzzjoni

L-Enemalta waqqfet mekkaniżmu ta' kumpens u dawk il-klijenti li jħossu li soffrew telf finanzjarju minħabba dan il-qtugħ jistgħu jagħmlu talba

L-Enemalta talbet maħfra għall-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li affetwat diversi lokalitajiet u dan wara ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni.

Waqt laqgħa mal-ġurnalisti, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jason Vella qal li d-domanda kbira għall-elettriku, riżultat tas-sħana qawwija tal-aħħar jiem, kixfet nuqqasijiet fis-sistema tad-distribuzzjoni u li poġġietha taħt stress qawwi.

Qal li l-ħsarat kienu sinifikanti fiż-żona tal-Mosta u anke f'Wied il-Għajn.

Spjega kif id-domanda għall-elettriku laħqet domanda rekord il-Ħamis hekk kif l-Enemalta rrekordjat peak ta' 565MV. 

Kompla jisħaq kif fil-każ tal-Mosta u Wied il-Għajn, kien hemm aktar minn ħsara waħda fl-istess network u kien għalhekk li l-kumpanija ma setgħetx treġġa' lura l-provvista malajr.

Qal li fil-każ ta' 71% tal-ħsarat, is-servizz irritorna għan-normal wara biss ftit minuti. 

"Dawn huwa sempliċiment numri u uffiċjalment nitlob apoloġija, f'isem il-kumpanija, għall-inkonvenjent li nħoloq. Għamilna dak kollu possibbli biex inreġġgħu lura l-provvista malajr iżda l-klijenti ħaqqhom l-aqwa servizz possibbli," insista.

Qal ukoll li l-Enemalta waqqfet mekkaniżmu ta' kumpens u dawk il-klijenti li jħossu li soffrew telf finanzjarju minħabba dan il-qtugħ jistgħu jagħmlu talba.

Qal li l-Enemalta kellha 180 ħaddiem, li kienu qed jaħdmu fil-ħinijiet kollha u ġie sospiż ix-xogħol kollu ta' manutenzjoni.

Qal li l-kumpanija investiet €130 f'seba' snin fis-sistema tad-distribuzzjoni u bniet madwar 40 substations ġodda kull sena. Qal li bħalissa għaddejin investimenti maġġuri f'Ħal Tarxien u Wied il-Għajn.

More in Politika