'Is-sitwazzjoni fil-ħabs hija waħda ta' kollass totali ... il-Ministru għandu jerfa' r-responabbilità' - PN

Beppe Fenech Adami jisħaq li s-sitwazzjoni fil-ħabs hija waħda perikoluża u li ntilef il-kontroll

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami saħaq li ġaladarba l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri baqa' jiddefendi t-tmexxija tal-ħabs, wara l-aħħar inċident li fih żagħżugħ ipprova jneħħi ħajtu, ir-responsabbilità taqa' fuqu u fuq il-Prim Ministru Robert Abela, jekk il-Ministru jagħżel li ma jerfax ir-responsabbilità hu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Fenech Adami saħaq li s-sitwazzjoni fil-ħabs hija waħda ta' kollass totali fejn fi kliemu, min jiżbalja, flok jidħol il-ħabs biex jirriforma lilu nnifsu, qed jispiċċa jitlef ħajtu jew jipprova jneħħi ħajtu b'idejh.

Huwa qal dan wara li lbieraħ sar magħruf li żagħżugħ ta' 30 sena pprova jagħmel suwiċidju u dan biss ftit ġimgħat wara li priġuniera tilfet ħajjitha f'Mater Dei, jiem biss wara li pprovat twettaq suwiċidju fil-ħabs.

Kien għalhekk li Fenech Adami saħaq li s-sitwazzjoni fil-ħabs mhijiex taħt kontroll u saħansitra ddeskriviha bħala "perikoluża."

Fi kliemu, fi żmien id-Direttur tal-ħabs Alex Dalli, kien hemm tnax-il priġunier li tilef ħajtu.

Fakkar li wara kull persuna li tmut hemm familja. Il-Kelliem insista li diversi familji ta' priġunieri jitkellmu mal-Partit Nazzjonalista dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs.

"Jiena ċert li dak li jasal għandna, jasal ukoll għand il-Ministru u quddiem il-Prim Ministru li jibqgħu ma jiħdux azzjoni," insista Fenech Adami.

Kien hawn li saħaq li dak li qed jiġri huwa responsabbilità diretta tad-direttur tal-ħabs u kkritika wkoll lill-Ministru Camilleri li, fi kliemu, baqa' jiddefendi din it-tmexxija li waslet għal ħdax-il mewta.

Għalhekk, appella lill-Ministru Byron Camilleri biex jerfa' r-responsabbilità politika u insista li jekk ma jagħmilx hekk, allura r-responsabbilità taqa' fuq il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat Darren Carabott ikkritika l-bord li waqqaf il-Ministeru biex jinvestiga s-sitwazzjoni fil-ħabs. Ikkritika l-fatt li fuq il-bord se jkun hemm Janice Formosa Pace li sa ftit sigħat ilu kienet parti mill-Bord ta’ Governanza tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Insista li ma jistax jifhem kif persuna li sa ftit sigħat ilu kienet parti mit-tmexxija tal-ħabs, se tkun issa qed tinvestiga l-istess tmexxija.

"Is-sistema preżenti tal-ħabs qed tħares lejn il-priġunieri bħala numru," insista l-kandidat. "Aħna rridu faċilità korrettiva u mhux faċilità suwiċida."

Intant, il-kandidata Graziella Galea tat elenku tal-proposti li kien għamel il-Partit Nazzjonalista biex tkun indirizzata l-problema tal-ħabs f'Malta. 

Aqra wkoll:

 

More in Politika