Ir-razziżmu: 'Ferita li dejjem kienet hemm... il-mezzi soċjali sempliċiment kixfuha'
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-razziżmu u l-xenofobija. Din problema li ggravat? Jew sempliċiment qed tidher aktar minħabba l-midja soċjali? Il-partiti qed jagħmlu xi ħaġa biex jilqgħu kontra r-razziżmu? U x'inhuma l-għeruq storiċi u soċjali tar-razziżmu f'Malta?
minn Albert Gauci Cunningham
Ir-razziżmu u l-xenofobija - żewġ pjagi soċjali mhux uniċi għal Malta - xi kultant jerfgħu rashom u tqum diskussjoni taħraq fil-pajjiż dwar xi inċident jew inkella xi kummenti fuq il-midja soċjali.
Lilhinn mill-pandemonju ġustifikat li kien qam meta nqatel Lassana Cisse, fl-aħħar ġimgħat filmat ta' raġel iswed jintefa' fil-baħar għad-daħk u r-redikolu ta' dawk preżenti - reġa' qajjem il-mistoqsija li għaliha ħafna jwieġbu b'mod differenti: Imma l-Maltin razzisti? Dan biex ma nsemmux il-litanija ta' tgħajjir u xi kultant anke mibgħeda li wieħed jesperjenza taħt kull artiklu li jgħid illi f'Malta deħlin xi immigranti li sabu ruħhom f'diffikultajet fl-ibħra ta' madwarna!
Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil opinjonista, lekċerer fl-Univeristà ta' Malta u storiku xi mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni tar-razzizżmu u xenofobija f'pajjiżna bħalissa u anke l-għeruq storiċi tas-sentimenti razzisti mhux biss tagħna lejn ħaddieħor, imma anke ta' ħaddieħor lejna.
'Il-midja soċjali kixfet ir-realtà tar-razziżmu, mhux żiedet ir-razziżmu'
Il-gazzetta ILLUM titstaqsi lill-attivist u opinjonist Jeremy J Camilleri jekk jaħsibx li l-problema ta' razziżmu u xenofobija verament kibret jew inkella jħossx li l-midja soċjali - daqstant preżenti f'ħajjitna - kabbritx din il-problema.
Huwa jibda billi jisħaq li l-midja soċjali sempliċiment esponiet ir-realtà u mhux kabbritha. Huwa jgħid li storikament il-poplu Malti dejjem kien iħares 'l isfel lejn nies fin-nofsinhar tagħna, "u aktar kemm tinżel 'l isfel iktar inħarsu 'l isfel lejhom."
Camilleri jfakkar li anke fil-lingwa tagħna hemm espressjonijiet li minnhom infushom jikxfu kemm il-poplu jħares lejn persuni ta' karnaġġjon iswed b'mod dispreġġjattiv. U jfakkar allura fl-espressjoni, "mela jiena iswed?"
"Il-midja soċjali esponiet il-ħsieb ta' dawn in-nies b'mod aħjar, jiġifieri llum nafu aħjar kif jaħsbuha ħafna nies. Dan apparti li llum missejna ma' ħafna kulturi oħrajn - speċjalment Afrikani u allura kollox ma' kollox kellek din l-isplużjoni fir-razziżmu u xenofobija," jgħid Camilleri mal-ILLUM.
Iżda hu jirrifjuta l-idea li b'xi mod is-sitwazzjoni qed tiġi eseġerata jew imkabbra u jfakkar li fl-aħħar snin, f'pajjiż fejn id-delitti huma rari, "kellna delitt razzjali, magħmul minn tnejn minn nies li jekk ma tridx kienu fl-armata u li ħarġu għall-kaċċa kontra s-suwed!"
Camilleri jfakkar ukoll illi wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-partit Imperium Europa - li jsejjaħlu partit mibni fuq prinċipji razzisti u ta' diviżjonijiet razzjali - sar it-tielet l-akbar partit f'Malta. "Allura qed neseġeraw?"
Għalfejn din il-biża' hija ffukata fuq l-Afrikani biss?
Il-gazzetta ILLUM tfakkru iżda li bosta nies jisħqu illi filwaqt li l-vjolenza u r-razziżmu huwa ħażin - it-tessut soċjali Malti inbidel u inbidel malajr. Dan kien l-argument - f'ħin fejn ma kellux isir - tad-Deputat Kevin Cutajar. Imma ma jlumx lil min jinkwieta xi ftit fuq dawn il-bidliet daqstant malajr?
Jeremy J Camilleri jirrispondi b'mistoqsija oħra - "Għalfejn din il-biża' hija ffukata fuq l-Afrikani? It-tessut soċjali fl-aħħar 20 sena inbidel bl-influss ta' Taljani u Spanjoli - lanqas qatt ma kont naħsibha li ħdejja f'Wied il-Għajn ikolli nies spanjoli!" jgħid Camilleri. Huwa sostna li minkejja dan, ħadd ma jilmenta dwar tibdil fit-tessut soċjali.
Imma l-gazzetta tfakkru li l-ilment ġeneralment isir minħabba differenzi kbar fil-kulturi, differenzi li ma jeżistux daqstant bejn il-Maltin u t-Taljani jew l-Ispanjoli.
"Bl-istess argument l-Iżvediżi għandhom kultura kompletament aljena għal tagħna - probabbilment għandna aktar qrubija kulturali lejn il-pajjiżi tal-Maghreb milli lejn l-Iżvediżi aħna l-Maltin," jibda jirrispondi Camilleri.
Huwa jgħid illi minkejja din id-differenza, mill-ġdid, ħadd ma jilmenta dwar tessut soċjali għax hawn ħafna Żvediżi.
Għalhekk Jeremy J Camilleri sostna mal-ILLUM li din hija kollha kwistjoni ta' razza.
"Inti madwar 50% tal-barranin huma nies mill-Unjoni Ewropea, u dwarhom qatt ma jingħad xejn lanqas meta jsir l-argument dwar l-ispazju. Imbagħad ħafna mill-50% l-oħrajn huma barranin minn pajjiżi terzi li jaħdmu hawnhekk u l-istess ma tantx tisma' kontrihom. Imma mbagħad tasal dgħajsa bl-Afrikani u qisha se taqa' d-dinja."
Dwar dan il-punt itemm jgħid ukoll li storja dwar immigrant jagħmel pipi barra tqajjem pandemonju u argumenti dwar integrazzjoni, imma mbagħad jgħid li bil-kemm tisma' ħoss meta bouncer barrani isawwat lil xi persuna Maltija.
'Jekk mhux se noqgħodu attenti fis-sentejn li ġejjin se jkollna qtil razzjali ieħor'
Kemm jaħseb li l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qed jippruvaw jiffaċċjaw u jsolvu din l-isfida, bi kliemhom imma anke b'azzjoniethom?
Camilleri jgħid li ż-żewġ partiti għandhom biża' "kbira" li jurtaw lir-razzisti. Jgħid li fil-każ tal-PL, sakemm kien imexxi Joseph Muscat, kien isir ħafna diskors kontra razziżmu, "imma llum ma nisimgħu kważi xejn."
Jgħid illi l-PN kien jitkellem u jtambar ħafna dwar l-importanza tal-ħniena lejn l-immigranti sa Gonzi iżda jisħaq li mit-tmexxija ta' Adrian Delia lil hawn id-diskors dwar din il-kwistjoni inbidel.
Huwa jsostni wkoll iżda li hu kellu parti minn white paper mibdija minn Rosianne Cutajar, liema white paper jidher li mxiet sew 'il quddiem u allura jidher li l-Gvern qed jiċċaqlaq fuq din il-kwistjoni wkoll issa.
Minkejja dan, Jeremy J Camilleri itemm bi twissija, speċjalment fid-dawl tal-messaġġi li qed jintbagħtu fuq il-midja soċjali: "Jekk mhux se noqgħodu attenti fis-sentejn li ġejjin se jkollna qtil razzjali ieħor."
'L-immigrant qed jikxef ferita fina li minn dejjem hemm kienet'
Il-gazzetta ILLUM tistaqsi l-istess mistoqsijiet li staqsiet lil Camilleri, din id-darba lill-Lekċerer fl-Università ta' Malta fil-Fakultà tal-Edukazzjoni u li jispeċjalizza fl-Inklużjoni, Francois Mifsud.
Mifsud jibda billi jfakkar illi r-razziżmu mhuwiex problema ġdida u jisħaq li dan ġie fil-fatt imsaħħaħ meta Malta kienet kolonja Ingliża, "għaliex il-kolonjaliżmu minnu nnifsu għandu l-ispirtu razzista, huwa mibni fuq l-idea ta' superjorità." Kompla jispjega dan il-punt billi qal illi l-kolonjaliżmu huwa mibni fuq il-ħsieb li għax persuna hija mill-punent tista' taħkem lil ħaddieħor biex tgħinhom "msieken", sabiex "inġibhom bħali."
Francois Mifsud jgħid illi r-razziżmu tal-lum huwa taħlita, kemm ta' dan l-aspett storiku, iżda wkoll mir-realtà tal-immigranti fostna. "Qabel Malta kien pajjiż li minnu temigra, illum sar pajjiż fejn immigrant jiġi."
Huwa qal mal-ILLUM li għalhekk l-għażla hija li jew nitgħallmu mill-inkontru jew inkella ningħalqu fina nfusna u min hemm tibda tinħoloq il-xenofobija u l-biża' minn dak kollu li huwa differenti.
Huwa jgħid li r-razziżmu "spara 'l fuq" għax qed tinkixef realtà. "Qed tinkixef realtà ta' Malti li mhux edukat, li mhux kapaċi jilqa' għal dak li huwa ġdid, li mhux kapaċi jħares lilhinn mill-kolonjaliżmu li għallimna biss inħarsu lejn l-oċċident, lejn il-punent."
Huwa qal li issa rridu nibdew inħarsu lejn pajjiżi oħrajn, anke lejn dik li jsejjaħ l-isbuħija tal-Mediterran kollu.
Imma dan kollu mhux esklussiv għall-Maltin?
"Le mhuwiex," jasserixxi Mifsud. Ifakkar li mhux Malta biss kien pajjiż kolonizzat u jgħid li anke l-kolonizzatur kien il-vittma tal-istess kolonizzazzjoni.
"Issa għandna realtà ta' immigranti fostna, li forsi f'ċerti pajjiżi huwa komuni ħafna iktar minn hawn. Mela din kienet ġo fina u issa qed tinkixef, l-immigrant qed jikxef ferita fina li minn dejjem hemm kienet," jgħid Mifsud.
Ifakkar li "l-iswed" minn dejjem konna nassoċjawh mal-ikrah u mal-ħażin."
'Il-PN u l-PL imexxijin minn imneħirhom minn kuntratturi kbar - ma għadhomx skejjel ta' ħsieb'
U dwar il-PN u l-PL x'jaħseb Mifsud? Kif jaħseb li qed jitrattaw din il-problema ta' razziżmu?
Ir-risposta tiegħu ma tantx tixhed ħeġġa u ammirazzjoni lejn kif iż-żewġ partiti qed jitrattaw din il-problema. Huwa jgħid li sfortunatament il-partiti f'Malta, "mhumiex edukati, huma partiti li ma jirriflettux u li llum saru biss l-id tan-negozju u l-merkat u l-azzjoni tagħhom hija biss reazzjoni għad-dinja ekonomika."
Huwa kompla jispjega kif biex iż-żewġ partiti verament joffru sens ta' tmexxija u jagħtu direzzjoni fuq din il-kwistjoni jeħtieġ jirriflettu u joħolqu skola ta' ħsieb. Fakkar li xogħol partit politiku mhuwiex biss li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali imma wkoll li jeduka fuq ideat u ideoloġiji li huma jaħsbu li huma tajbin għall-pajjiż.
"Imma minflok il-PN u l-PL qed jirkbu fuq in-nuqqas ta' informazzjoni u l-injoranza li kultant hawn fuq dan is-suġġett ... il-partiti ma għadhomx skejjel ta' ħsieb u minflok saru reazzjoni għad-dinja tal-ekonomija, immexxijin minn imneħirhom mill-kuntratturi l-kbar."
'Qisuna Għarab ... u l-mentalità razzista tal-kolonjaliżmu'
Il-gazzetta ILLUM xtaqet tieħu wkoll il-perspettiva aktar storika tar-razziżmu u l-xenofobija f'pajjiżna u għalhekk tkellmet mal-Professur u storiku Godfrey W Pirotta li jibda bir-razziżmu fuq il-Maltin u mhux dak tal-Maltin.
Ifakkar li għal ħafna snin il-Maltin kienu meqjusin mill-Ewropej bħala Għarab u l-unika raġuni għalfejn l-Ordni ta' San Ġwann kienet tara lil dan il-poplu f'lenti ftit aħjar kienet minħabba li l-Maltin huma nsara.
Pirotta jirrakkonta parti mill-istorja ta' dan il-pajjiż, meta l-Gran Mastru De Rohan fiż-żmien illi fih l-Ordni kienet qed titheżżeż minħabba l-qawwiet Franċiżi kien ħatar qassis Malti bħala l-Kapillan tal-Kon Katidral ta' San Ġwann. Dan għamlu biex isaħħaħ ir-relazzjoni tal-Ordni mal-Maltin. Iżda din id-deċiżjoni ma niżlet tajjeb xejn ma' ħafna membri tal-Ordni ta' San Ġwann "għax ma ridux Għarbi fuqhom." Hu jgħid li għall-pussess tiegħu l-Gran Mastru kellu jibgħat skorta minħabba biża' li dan saħansitra jinqatel minn membri tal-Ordni.
Huwa qal li dan is-sentiment baqa', anke fiż-żmien l-Ingliżi li jgħid illi ġabu "mentalità razzista" - illi jekk inti mintix ewropew, mela m'intix kapaċi tmexxi jew inkella tkun parti mit-tmexxija tal-pajjiż. Tant huwa hekk, li Godfrey Pirotta jirrakkonta kif meta daħlet il-libertà tal-istampa f'Malta is-Segretarju tal-Istat kien qal li Malta għandha tingħata din il-libertà għax hija ewropea u kristjana - li jfisser illi kieku ma kinitx, l-Ingliżi ma kinux jarawha denja li jkollha dawn il-libertajiet.
Huwa semma wkoll kif il-Ġeneral Gaspard De Marchin kien iddeskriva lill-poplu Malti bħala "orjentali" u kien inkwieta mhux ftit meta - fi kliem Pirotta - "il-Maltin invadew l-Afrika ta' Fuq, meta marru f'pajjiżi bħat-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libja u pajjiżi oħrajn - fejn baqgħu sakemm dawn il-pajjiżi kisbu l-indipendenza."
Il-Professur Godfrey Pirotta jkompli jispjega kif il-fatt li konna insara kien "jitfgħana 'l quddiem" imma l-lingwa Maltija "kienet titfgħana lura" u spjega li dan kien il-kuntest li fih seħħet il-battalja tal-lingwi f'pajjiżna. "Jekk titkellem bil-Malti ma kontx meqjus ewropew u allura ma kontx tingħata l-opportunitajiet," sostna Pirotta.
'Insejna kemm domna nittalbu biex insiru ewropej!'
Pirotta jispjega kif l-antipatija lejn l-Għarab ġejja mill-fatt storiku li l-Knisja Kattolika "rabbietna b'attakk kostanti fuq dak kollu Għarbi" - minkejja li jfakkar li anke fil-lingwaġġ marbut mar-reliġjon hemm kliem li jintużaw fl-Iżlam, bħal Ramadan, Alla, qassis u Għid."
Huwa jgħid li din tal-identità dejjem kwistjoni importanti għalina, saħansitra sad-90ijiet meta Malta bdiet il-proċess biex tidħol fl-UE u aktar lura fis-snin anke fuq xi ħaġa żgħira bħal fejn il-Maltin riedu jpoġġu waqt l-inkurunazzjoni tar-Reġina kurrenti, meta l-Maltin riedu jpoġġu mad-Dominians mhux mal-Afrikani.
Huwa qal li jemmen li kemm ilha Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea żdied ir-razziżmu. "Nemmen li kiber ir-razziżmu għax issa qed inħarsu aktar lejna infusna bħala Ewropej - insejna kemm ittallabna biex inkunu Ewropej," temm jgħid Pirotta