Iż-żagħżugħ Jordan Azzopardi, akkużat bħala traffikant tad-droga, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara sentejn minn meta beda l-każ kontrih.
Azzopardi, li llum għandu 31 sena, ġie arrestat fl-2019 u qed ikun akkużat li kien il-moħħ wara katina ta' traffikar tad-droga madwar Malta. Huwa qiegħed jiffaċċja xejn inqas minn 15-il akkuża.
It-tfajla ta' Azzopardi, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ukoll qed tkun akkużata b'reati simili.
Waqt seduta li saret dalgħodu, Azzopardi ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta' €150,000, filwaqt li terza persuna trid tagħmel tajjeb għal garanzija oħra ta' €50,000
Huwa kien ordnat biex iħalli l-passaport il-Qorti u anke pprojbit milli jersaq lejn il-kosta u lejn l-ajruport.
Ġie mwissi ukoll biex ma jikkomunikax max-xhieda tal-prosekuzzjoni u anke ordnat jiffirma kuljum fl-għassa filwaqt li josserva curfew.
Huwa se jkun taħt is-superviżjoni ta' uffiċjal tal-probabation.