Tan-nar, tal-armar u l-baħħara jingħaqdu wkoll mar-residenti kontra marina f'Wied il-Għajn

Jilmentaw li l-baħar se jitbiddel f'parkeġġ għas-sinjuri...

Wieħed mill-kelliema waqt il-protesta
Wieħed mill-kelliema waqt il-protesta

Il-Grupp tan-Nar Festa Sant'Anna Wied il-Għajn, il-Grupp Armar Festa Sant' Anna Wied il-Għajn u l-Għaqda Baħħara Sajjieda u Dilettanti ngħaqdu ma' diversi organizzazzjonijiet oħrajn u anke diversi residenti kontra marina f'Wied il-Għajn li tfisser illi diversi żoni fejn illum ir-residenti jgħumu jittieħed għal jotts.  Dan apparti proposti ta' Transport Malta biex apparti il-marina, tittieħed art ukoll f'reklamazzjoni. 

Iżda r-residenti li qed jipprotestaw x'qed jgħidu eżatt?

  •  Jitolbu lil Transport Malta tirtira minnufih it-tender għall-yacht marina u tikkanċella definittivament dawn il-pjanijiet għall-lokalità 
  •  Minkejja li l-Pjan Lokali  ta’ 15-il sena ilu jsemmi yacht marina jfakkru li l-Gvern m’huwiex marbut li jimplimenta proġett li jsejħulu "bla sens u ta’ ħsara kbira fuq il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent tagħna."
  • Ir-residenti jirringrazzjaw lill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn tal-pożizzjoni ċara li ħa fil-konfront tal-pjanijiet ta’ Trasport Malta u s-sejħa li għamel sabiex jiġi irtirat it-tender
  • Jgħidu illi r-rekwiżiti tat-tender juru biċ-ċar li l-bini tal-yacht marina "ser jifga' ż-żona bir-reklamazzjoni tal-art, tibdil fir-rotot tat-triq u l-bini ta' uffiċini, toilets, showers u żoni ta’ parkeġġ.
  • Jisħqu li dan ifisser żieda fil-konġestjoni u t-tniġġis f’raħal li diġà mibni żżejjed u ħsara irreparabbli fuq il-karatteristiċi tiegħu
  • Jinnegaw li l-benefiċċji ekonomiċi antiċipati huma xi "opportunità tad-deheb li jriduna nemmnu li huma" - huma benefiċċji ekonomiċi inċerti u jiddependu minn bosta fatturi esterni.
  • Jikkwotaw studji li saru li jgħidu illi juru kif 80 % min-nefqa tal-proprjetarji ta’ yacht tmur fis-servizzi tal-port u spiżi tal-fjuwil u li jekk iċ-ċiklu ekonomiku ta’ marina jisfa' fix-xejn b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja jew defiċjenza fis-servizz, il-post ma jerġax lura għal li kien għax l-infrastruttura irriversibbli
  • Jilmentaw li l-baħar se jsir parkeġġ għas-sinjuri probabbilment mehdija jonfqu f’inħawi oħra tal-gżira. "Marina ġġib magħha wkoll il-bini ta’ żoni ta’ tiswija u manutenzjoni."
  • Ifakkru li yacht marina ser tillimita l-użu li jistgħu jagħmlu r-residenti mir-riżorsi tal-baħar f’setturi oħra. Ser tillimita l-għum, is-sajd u attivitajiet li jsiru f’baħar miftuħ bħall-għads u l-kenura. 
  • Ifakkru wkoll li l-marini huma piż kbir fuq l-ambjent. Ir-reklamazzjoni tal-art u d-disturbi tal-jottijiet huma effetti estensivi ta’ marina fuq l-ambjent naturali tal-baħar li jitlob ħarsien
  • Jisħqu li r-reklamazzjoni tal-art, skont il-proposta ta’ Transport Malta, se teqred 16,000 metru kwadru ta' baħar  - l-ekwivalenti ta’ żewġ grounds u nofs tal-football

Intant l-ADPD wkoll organizzat konferenza tal-aħbarijiet separata dwar dan is-suġġett. Ara hawnhekk x'intqal.

 

More in Politika