L-Afganistan: Storja ta' gwerer, imwiet, estremiżu u interessi politiċi

Fuq fomm kulħadd fl-aħħar jiem kien l-Afganistan u l-mod drammatiku kif it-Talibani reġgħu għal darba oħra ħadu kontroll ta' dan il-pajjiż. Il-gazzetta ILLUM talbet lill-Professur Carmen Sammut tanalizza l-istorja u s-sitwazzjoni politika kurrenti tal-Afganistan...

L-Afganistan: Storja ta' gweree u indħil politiku
L-Afganistan: Storja ta' gweree u indħil politiku

L-Afganistan, fl-Ażja Ċentrali, art muntanjuża li tinsab f’qagħda strateġika. Pajjiż li ssibu marsus bejn l-Iran, il-Pakistan u tliet pajjiżi li sa ftit ilu kienu jifformaw parti mill-Unjoni Sovjetika: it-Tajikistan; it-Turkmenistan u l-Użbekistan. Hemm ukoll fruntiera sinifikanti, għalkemm fiha biss 76 kilometru, maċ-Ċina. Il-kapitali Kabul, storikament insibuha f’salib it-toroq f’rotot kummerċjali importanti, mogħnija b’taħlit inter-kulturali interessanti, imma mikduda b’kunflitti mdemma li ma’ naqsu qatt. 

 

Mill-Mujahedeen għat-Taliban

Dan huwa pajjiż rikk bil-materja prima iżda nofs in-nies għadhom jgħixu f’faqar kbir. Ir-rata tal-qgħad baqgħet għolja madwar 25% għal għexieren ta’ snin, tant li l-irġiel bla xogħol aktar ittantaw isibu kenn jiġġieldu fi gruppi jiħadisti. Għall-ewwel dawn l-estremisti Iżlamiċi, imsejjħa Mujahedeen iġġieldu kontra l-invażjoni Sovjetika tal-1979. Dak iż-żmien, kellhom l-appoġġ tal-Istati Uniti u l-allejati tagħha, inkluża l-Għarabja Sawdija. 

Wara t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda, tfaċċat skola ġdida ta’ ġellieda fundamentalisti. Dawn bdew isejjħu lilhom infushom Talibani, jiġifieri studenti favur tmexxija Iżlamika ggwidata minn waħda mill-aktar forom estremi tal-liġi tax-Sharia. 

Sal-1996 it-Talibani kienu ħadu kontroll tal-parti l-kbira tal-Afganistan. Mexxew b’qilla u ħruxija liema bħalhom u baqgħu stampati f’moħħna il-miżuri li bihom in-nisa kellhom jinsatru minn rashom sa saqajhom taħt il-“burqa”. Il-bniet ma kienx permess li jmorru l-iskola u kellhom jinqaflu d-dar sakemm ma joħorġux akkumpanjati minn raġel. L-irġiel kienu sforzati jħallu d-daqna. Xi nisa sfaw imħaġġra akkużati b’adulterju jew b’dehra mhix xierqa. L-Afganistan ħa daqqa ta’ ħarta kbira lura u r-ritorn tat-Talibani reġa’ qanqal dawn il-memorji mudlama.

Fi ftit snin it-Talibani għorku għajnejn id-dinja, mhux biss minħabba l-ksur sfaċċat tad-drittijiet tal-bniedem u l-qtil ta’ membri tal-NGOs li marru joffru għajnuna umanitarja, iżda anke minħabba li kienu jagħtu kenn lil jiħadisti oħrajn. F’Ottubru 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda kien għadda riżoluzzjoni li biha kemm lit-Talibani, kif ukoll lill-grupp Al Qaeda, ġew dikjarati għaqdiet terroristiċi u fuqhom ġew imposti sanzjonijiet. Wara snin segwit mis-servizzi sigrieti ta’ bosta pajjiżi, fosthom ic-CIA u l-Mossad, Osama Bin Ladin ġie dikjarat bħala sponsor tat-terroriżmu, u sar magħruf li kien qiegħed jingħata kenn fl-Afganistan.

 

Sanzjonijiet li waslu għal pajjiż iżolat rikonoxxut minn tliet pajjiżi biss

Is-sanzjonijiet internazzjonali kontra t-Talbani, laqtu ħażin lill-poplu sħiħ għaliex dak iż-żmien il-pajjiż kien jiddependi għall-ikel minn donazzjonijiet minn barra. Kien hemm proposti biex jitwaqqfu s-sanzjonijiet, bil-kundizzjoni li t-Talibani ma jippermettux li territorju taħt kontroll tagħhom jiġi użat għat-taħriġ terroristiku. Saret talba biex Bin Ladin jiġi estradit iżda t-Talibani m’aċċettawx. Għaldaqstant taħt t-Talibani, l-Afganistan sar stat pariah, art iżolata u rikonoxxuta biss minn tliet pajjiżi: L-Għarbja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Pakistan.

 

9/11 u l-gwerra kontra t-terrur

Meta fil-11 ta’ Settembru ta’ 20 sena ilu Bin Ladin, u taħt il-kmand tiegħu jihadisti ta’ Al Qaeda, wettqu l-attakki fuq it-Twin Tower ta New York u l-Pentagon, f’Virginia, kienet skattat il-“Gwerra kontra t-Terrur”. Dakinhar, erba' ajruplani tal-passiġġieri Amerikani intużaw bħala arma kontra binjiet strateġiċi b’telf ta’ eluf ta’ ħajjiet. Ma kien hemm l-ebda Afgan imdaħħal fl-attakki, iżda l-Afganistan kien il-post mnejn kien jopera l-arkitett ta’ dan il-pjan malinn. Kien għalhekk li l-Istati Uniti flimkien mar-Renju Unit, f’anqas minn xahar nedew l-invażjoni tal-Afganistan, li tlaqqmet “Operation Enduring Freedom”. Sa nofs Diċembru 2001, kienu neħħew lit-Talibani mill-poter. Fl-Afganistan kien hemm tama li l-poplu kien se jibda jieħu r-ruħ.

 

Miri mhux milħuqin, opju u korruzzjoni

X’ġara iżda minn dakinhar? Sezzjoni tal-popolazzjoni marret aħjar għaliex in-nies bdew igawdu minn xi libertajiet, speċjalment in-nisa tal-klassi medja u l-elite. Iżda miri oħra ma’ ntlaħqux: l-aktar it-trażżin tat-Talibani; li jkun hemm sigurtà akbar fl-ibliet ewlenin, li jkun hemm tisħiħ u taħriġ tal-armata Afgana u fuq kollox ir-rikostruzzjoni ekonomika. 

Mhux biss l-ekonomija baqgħet totalment dipendenti fuq l-għajnuna barranija, iżda l-Amerikani u l-alleati ma rnexxilhomx irażżnu t-traffikar tal-opju li għadu rampanti u li minnu jaqilgħu l-għixien ħafna familji. Il-produzzjoni tal-opju hija tant mifruxa u importanti li dħul mit-traffikar tad-droga mhux biss kien imantni lis-Sinjuri tal-Gwerra (war lords) Talibani, iżda jidher ukoll li xaħħam il-bwiet ta’ wħud minn dawk f’Kabul, li suppost kienu qegħdin jimbottaw ir-riformi meħtieġa għall-bini tan-nazzjon. 

L-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fi ħdan il-Gvern tal-President Ashraf Ghani kienu bosta, u saru aktar rampanti meta dan il-kaptan xipli abbanduna l-vapur u ħarab lejn l-Emirati Għarab Magħquda malli ra l-Amerikani iżarmaw u t-Talibani javvanzaw lejn il-kapitali. Qal li telaq biex tiġi evitata gwerra ċivili. Kemm dan huwa minnu iż-żmien għad irid jagħtina parir, iżda d-dinja xxokkjat ruħha bil-mod żvelt kif it-Talbani ħadu kontroll ta’ Kabul f’tebqa t’għajn.

Mhux ta’ b’xejn inħass sens qawwi ta’ diżappunt kif l-Istati Uniti parpru 'l barra, sentiment li ġie msaħħaħ bil-filmati ta' dawk l-eluf ta’ rwieħ imwerwra li fil-bidu tal-ġimgħa marru fil-mitjar ta’ Kabul jiggranfaw mal-ajruplan Amerikan; wħud baqgħu sakemm tar u mbagħad ippreferew ikejjluha għall-mewt wara li qata’ mill-art. Forsi l-istagħġib u x-xokk globali ma kienx li t-Talibani reġġħhu refgħu rashom, iżda l-mod li deher xejn meqjus u dinjituż ta’ kif l-Amerikani telqu ‘l barra.

Matul dawn l-aħħar 20 sena fl-Afganistan kien hemm tensjonijiet ma’ jaqtgħu xejn minkejja l-preżenza tat-truppi Amerikani li saret uġiegħ ta’ ras kbira għal erba’ amministrazzjonijiet konsekuttivi. Waqt il-presidenza tiegħu, Barack Obama kien wiegħed “irtirar responsabbli”. Warajh il-President Donald Trump iddikjara li ma riedx jibqa' mkaħħal ma' “gwerra bla tmiem” u issa l-President kurrenti Joe Biden irrikonoxxa li din laħqet saret “l-itwal gwerra għall-Istati Uniti”. 

 

Madwar 72,000 persuna tilfu ħajjithom fil-gwerra fl-Afganistan

F’dan il-perjodu, jingħad li l-ispiża tal-gwerra fl-Afganistan laħqet ta' lanqas triljun dollaru, ammont mħallas b’dejn u allura piż li għad irid jinfeda mill-ġenerazzjonijiet futuri. F’dan iż-żmien, intilfu wkoll bosta ħajjiet: Aktar minn 65,000 Afgan mietu jiġġieldu għal pajjiżhom; madwar 6,000 Amerikan u aktar minn 1,000 suldat ieħor tan-NATO.

L-opinjoni pubblika Amerikana u l-midja kienu favur l-irtirar mill-Afganistan, kif rajna mistqarr kemm il-darba tul il-kampanja presidenzjali Amerikana tas-sena li għaddiet. Iżda issa l-mod kif ġie esegwit l-irtirar qanqal tant tħassib u anke għadab għal dak li qed jiġi kkunsidrat bħala l-falliment tal-politika Amerikana. Hemm wkoll sens qawwi ta’ tradiment fost dawk n-nies fl-Afganistan li appoġġjaw l-intervent Amerikan kontra t-Talibani għaliex dawn ħajjithom tinsab f’periklu kbir. Huma dawn fost l-ewwel li qeghdin jitolbu li jiġu evakwati u li jingħataw kenn. Kien għalhekk li ħarġet stqarrija konġunta bejn 60 pajjiż b’appell biex dawn jingħataw iċ-ċans jitilqu mill-Afganistan flimkien mal-barranin li għad fadal. Minkejja assikurazzjonijiet mit-Talibani li se jingħataw ‘amnestija’ fil-Greċja u pajjiżi oħra Ewropej bdew jaslu refuġjati Afgani jitolbu kenn mill-Ewropa, li issa hija magħdura sewwa bil-pandemija, u hemm biża' ta’ kriżi bħall-eżodu tar-refuġjati Sirjani ftit tas-snin ilu.  

Il-President Biden ddikjara li l-Amerikani kkonkludew il-missjoni tagħhom hemmhekk dakinhar li nstab u nqatel Bin Ladin u ddgħajjfet l-Al Qaeda. Id-dikjarazzjoni skjetta tal-President li l-Amerikani ma daħlux l-Afganistan biex jibnu n-nazzjon (ezerċizzju ta’ nation-building) bħal donnu imminat it-tmexxija Amerikana li fil-politika barranija tagħhom jitkellmu dwar il-valuri demokratiċi u l-morali tad-drittijiet tal-bniedem, li jikkostitwixxu dak li jissejjaħ ‘soft power’. 

Wara l-erba’ snin ta’ Donald Trump u l-mod goff kif kien jitkellem, id-dinja stenniet aħjar mill-amministrazzjoni l-ġdida. Iżda donnu Biden issa irrinforza perċezzjoni li l-Amerikani kapaċi jesplojtaw lill-komunitajiet lokali għall-interessi tagħhom, imma ma jaħsbuhiex darbtejn biex jitilquhom għal riħhom, bħall-erbgħa f’nofs il-gimgħa, kif ġralhom ukoll il-Kurdi tas-Sirja taħt Trump. Ġara hekk ukoll fl-Iraq kemm taħt il-President George H.W. Bush u fl-amministrazzjoni Nixon. Dan is-sens ta’ tradiment jista’ jimpatta fuq il-livell ta’ kollaborazzjoni li jistghu isibu f’kunflitti li jinqalgħu fil-gejjieni.

It-taħdidiet li wasslu għall-irtirata tal-Amerikani mill-Afganistan kienu bdew taħt il-President Trump fil-kapitali tal-Qatar, Doha u l-ftehim sar fi Frar 2020. Trump għaraf li t-truppi Amerikani ma jistgħux jirtiraw mill-Afganistan jekk it-Talibani ma jkunux fuq il-mejda tat-taħdidiet. Iżda f’dawn it-taħdidiet il-Gvern ta’ Kabul ma kellux sehem. L-Amerikani jingħad li għamlu żewg kundizzjonijiet ewlenin: L-ewwel riedu garanzija ta’ ‘safe exit’, it-tieni li t-Talibani ma jħallux it-territorji taħt il-kontroll tagħhom jerggħu jsiru bejta tat-terroriżmu internazzjonali. It-Talibani riedu rikkonoxximent u waqfien mill-ġlied.

Ftit tama li t-Talibani tal-lum huma differenti minn dawk ta' qabel

Filwaqt li fit-taħdidiet ta’ Doha, it-Talibani kienu rappreżentati minn persuni ta’ xeħta moderata, internazzjonalment u anke fl-Afganistan stess s’issa m’hemmx wisq tama li t-Talibani tal-lum huma wisq aqwa minn ta’ ġenerazzjoni ilu. Fuq il-midja, r-ritratti u filmati tat-Talibani armati sa snienhom waqt il-patrols fit-toroq ta’ Kabul, qanqlu il-biża' minflok sens ta’ sigurtà. L-istess ir-rapporti ta’ tfittxijiet li saru fid-djar privati. Saħansitra l-Gvern Amerikan donnu ma tantx jidher fiduċjuż li se jkun hemm stabbilità politika u ekonomika meta ħabbar li ġew iffriżati $9.5 biljun f’assi tal-Bank Ċentrali Afgan fl-Istati Uniti. Hemm wkoll biża' li r-ritorn tat-Talibani jkun ta’ ispirazzjoni għall-gruppi fundamentalisiti Jiħadisti fid-dinja, b’mod speċifiku hemm thassib li jirxoxta l-Istat Iżlamiku (Isis). 

Ir-Russja, li tqis l-irtirar Amerikan bħala falliment tal-politika tal-Punent, se tkun b’sebgħa għajnejn li t-theddida tal-islamiżmu ma tersaqx qrib lejn il-fruntieri tagħha. Fl-istess ħin ir-Russja u ċ-Ċina se jkunu fuq quddiem biex jimlew il-vakum li nħoloq mill-pajjiżi tal-Punent. Dawn iż-żewġ qawwiet kbar għandhom interess li l-Ażja Ċentrali ma tisfax aktar distabilizzata minn pajjizi li jmissu mal-Afganistan. Perezempju, jinkwetaw dwar ir-rwol tal-Pakistan u l-Iran. L-irtirar Amerikan gie deskritt bħala ‘t-tmiem tal-iskjavitù mill-Prim Ministru tal-Pakistan Imran Khan, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera Afgana, L-Iran feraħ b’dak li ddeskriva bħala “l-falliment militari Amerikan fir-reġjun u opportunità għas-sigurtà u l-paċi” - sigurtà kif jaqbel lill-Iran. 

 

Biden fetaħ it-tieqa għaċ-Ċina!

Jidher car li taħt il-President Biden l-interessi ġeo-politiċi ta’ Washington qegħdin jinbidlu. B’mod persistenti l-President Biden, bħal ta’ qablu, qed jitfa' l-attenzjoni tal-politika barranija Amerikana fuq sforzi biex titrażżan iċ-Ċina. Biden jgħid ċar u tond li ċ-Ċiniżi “ma jridux koeżistenza f’sistema globali, iżda jfittxu d-dominanza.”  Iżda bl-irtirar aktarx bikri u inizjalment diżorganizzat mill-Afganistan, Biden aktarx li ħalla opportunita’ għaċ-Ċina biex tuża t-tattiċi magħrufa tagħha, jiġifieri toffri ‘għajnuna’ għar-rikostruzzjoni u l-iżvilupp biex b’hekk tikseb mhux biss influwenza akbar fl-Ażja Ċentrali iżda anke aċċess għal minerali rari Afgani li jiswew triljuni ta’ dollari. Mhux eskluż li l-Gvern ta’ Beijing jagħti rikonoxximent lill-Gvern tat-Talibani. Mhux eskluż lanqas li ċ-Ċina teżerċita’ l-influwenza tagħha fil-Ġnus Magħquda, sabiex timbotta l-wiċċ kurrenti tat-Talibani biex jiġu riabilitati u minn organizzazzjoni terroristika jsiru Gvern leġittimu, għalkemm din ċertament ma tkunx triq lixxa mingħajr qbil mal-Amerikani.

More in Politika