Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lil l-Gvern biex mill-aktar fis jippubblika l-istrateġija tiegħu għall-ftuħ tal-iskejjel. Permezz ta' konferenza, il-PN ifakkar li wasalna fl-aħħar ta' Awwissu u t-tmexxija tal-iskejjel, l-edukaturi, l-ġenituri u l-istudenti għadhom jistaqsu x’se jiġri eżatt fis-sena skolastika li tiftaħ minn hawn u ftit ġimgħat oħra.
"Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed titlob li l-Gvern jippubblika immedjatament il-pjanijiet tiegħu biex ma terġax tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni tas-sena li għaddiet."
F'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u l-isport Clyde Puli u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Julie Zahra u Clifford Zahra Fenech, ħareġ li "s-sitwazzjoni preżenti qed toħloq sitwazzjoni ta’ stress żejjed għall-edukaturi li jridu jippjanaw is-sena tagħhom u għad ma għandomx il-linji gwida neċessarji, iżda wkoll stress għall-istudenti u għall-genituri li jridu jkomplu jippjanaw ħajjithom."
Il-partit sostna li din hija kwistjoni ta’ interess nazzjonali u peress li "l-Gvern għadu m’għamel xejn", allura huwa fl-interess tal-Partit Nazzjonalista li jqajjem dan l-argument u jnissel pressjoni, biex il-ġenituri, studenti u l-edukaturi jkollhom serħan il-moħħ.
Fl-istess konferenza kemm Clyde Puli, kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali, qajmu diversi mistoqsijiet fosthom rigward dawk l-istudenti u l-istaff edukattiv li huma vvaċċinati u dawk li mhumiex u ħafna aktar.