L-FIAU weħħlet multa kbira ħafna ta' €4.975 miljun kontra l-Bank Pilatus, il-bank fiċ-ċentru ta' tant kontroversji mhux biss minħabba kontijiet li kellu fih imma wkoll minħabba sidu Ali Sadr Hasheminejad, li kien akkużat bi frodi fl-Istati Uniti u li ma nstabx ħati fuq numru ta' teknikalitajiet legali.
Din il-multa ngħatat hekk kif l-FIAU sabet nuqqasijiet serji ta' dokumentazzjoni dwar klijenti ta' dan il-bank u nnutat kif f'ħafna każi l-bank la kellu dokumenti biex juru kif miljuni kbar spiċċaw f'kontijiet ta' klijenti u lanqas kif seta' jispjega diskrepanzi ċari. Per eżempju l-bank ma setax juri kif kont ta' klijent partikolari kellu €20 miljun fih, ma setax jipprova s-sors tal-ġid ta' klijent li kellu €100 miljun fil-kontijiet fil-Pilatus u f'każ ieħor il-bank ma setax jispjega diskrepanza ta' klijent li kellu dħul ta' €10 miljuni fil-kont, pero li ddikjara paga ta' €190,000 fis-sena.
F'każ ieħor id-dokumentazzjoni meħtieġa biex persuna tiftaħ kont - Know Your Customer (KYC) - ma saritx qabel ma fil-fatt kienu diġà għaddew madwar €16-il miljun fil-kont ta' dan il-klijent, filwaqt li f'każ ieħor saħansitra ma ntalbet ebda informazzjoni ta' dan it-tip. F'każ ieħor il-bank ma setax jispjega kif dħul f'kont żdied minn €750,00 għal €150 miljun.
B'kollox l-FIAU sabet nuqqasijiet f'96.5% tal-kontijiet ta' klijenti, li jfisser allura li n-nuqqas ta' dokumentazzjoni kienet in-norma mhux l-eċċezzjoni f'dan il-bank.
Il-Bank Pilatus kellu kontijiet f'isem id-dittatur tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev u huwa wkoll il-bank li fih, allegatament, kien hemm dokumenti ta' Egrant Inc - kumpanija fil-Panama - f'isem Michelle Muscat, mart l-eks PM Joseph Muscat, moħbijin f'safe fil-kċina. Inkjesta Maġisterjali intensiva li damet għaddejja xhur sħaħ, ma sabet ebda kont f'isem Egrant f'dan il-bank u lanqas safe fil-kċina.
Maria Efimova - il-persuna li għamlet din l-allegazzjoni - għal xi żmien kienet ukoll ħaddiema ta' dan il-bank, sakemm tkeċċiet.
Kien hemm ukoll kontijiet f'isem Keith Schembri u f'isem l-eks Ministru Nazzjonalista u eks Kummissarju Ewropew John Dalli.
(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)