Wara li l-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd li għadda ppubblikat storja li fiha ntqal bi kważi ċertezza li l-elezzjoni ġenerali ser issir f'Novembru li ġej, il-Prim Ministru llum għall-mistoqsijiet ta' ġurnalisti stqarr li hu jinsab determinat li "l-baġit infassluh, inħabbruh u nwettquh." Nhar il-Ħadd li għadda l-istess Abela qal li l-Baġit se jkun qed jitħabbar nhar il-11 ta' Ottubru.
Wara l-baġit ikunu jridu jsiru r-reazzjonijiiet tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni ġimgħa wara u imbagħad jiġi approvat fi proċess li jdum madwar ġimgħa u nofs illi matulhom jiġi diskuss kull Ministeru. Jekk il-baġit ma jkunx approvat u l-pajjiż imur għal elezzjoni, dan isir null u allura jkun irid jerġa' jitressaq.
Malli titħabbar l-elezzjoni, bil-liġi, il-kampanja ma tistax tkun iqsar minn 33 jum u ssir is-Sibt ta' wara li jgħaddu dawn it-33 jum. Dan ifisser illi l-prospetti għall-elezzjoni f'Novembru jonqsu waħda sew, b'elezzjoni f'Diċembru iktar u iktar remota minħabba l-festi tal-Milied.
Il-gazzetta ILLUM kienet diġà indikat dan f'artiklu li deher fuq il-faċċata tal-istess gazzetta.
"Id-data tal-elezzjoni isir meta jkun fl-interess nazzjonali," sostna Abela għal mistoqsija oħra li titratta l-elezzjoni.