'Mhux denju' - Il-PN dwar il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna

Il-PN jakkuża lill-eks Ministru Edward Scicluna li kien baqa' jiddefendi l-Bank Pilatus li ddeskrivih bħala 'istituzzjoni intiża għal skopijiet kriminali'

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li Edward Scicluna mhux denju li jżomm il-pożizzjoni tiegħu ta' Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Il-PN fi stqarrija għamel referenza għall-investigazzjoni tal-FIAU fuq il-Bank Pilatus u kif dan ħalla "l-maġġoranza assoluta tal-klijenti u tal-miljuni jgħaddu minnu mingħajr l-verifiki."

"Dan huwa konferma ta' kif il-Gvern Laburista mhux biss għalaq għajnejh għall-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja iżda saħansitra ddefenda istituzzjonijiet maħluqa preċiżament għal dan l-għan," kompliet l-istqarrija.

Il-PN fakkar kif l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li llum jokkupa l-kariga ta' Gvernatur tal-Bank Ċentrali, "kien jiddefendi b'kull mezz lil dan il-bank." Insista li Scicluna kien saħansitra attakka lill-Kummissjoni Ewropea għax ikkritikatu.

"L-investigazzjoni tal-FIAU fuq Pilatus turi li l-Bank li kien jaħdem bih Keith Schembri, l-id il-leminija ta' Joseph Muscat, ma kien jistaqsi ebda mistoqsijiet fuq transazzjonijiet ta' għexieren ta' miljuni minn postijiet bħall-Emirati Għarab u l-Ażerbajġan, li kumbinazzjoni huma fiċ-ċentru ta' skandli li kissru r-reputazzjoni ta' pajjiżna," kompliet l-istqarrija.

Saħqet li bħala l-Ministru tar-regolatur finanzjarju, Edward Scicluna kellu r-responsabbiltà finali fuq is-sistema bankarja ta' pajjiżna.

"Mhux talli l-eks Minsistru ma ħax l-azzjoni meħtieġa iżda saħansistra ddefenda sal-aħħar mument istituzzjoni intiża għal skopijiet kriminali tal-Gvern Laburista. L-istorja mimlija skandli tal-Bank Pilatus hija sintomatika tat-tmexxija tal-Gvern Laburista tul dawn l-aħħar snin," temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika