Jinqabad b'50 borża droga lesta għat-traffikar

Iż-żagħżugħ ġie arrestat ilbieraħ u mistenni jitressaq il-Qorti llum

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Żagħżugħ ta' 25 sena qed jinżamm arrestat wara li nqabad b'ammont ta' droga lesta għat-traffikar.

Iż-żagħżugħ mill-Ghana ġie arrestat ilbieraħ hekk kif il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kienet għaddejja fuq ronda, viċin Ġnien Belvedere, il-Marsa.

Il-Pulizija avviċinaw liż-żagħżugħ u bdew ikellmuh iżda dan beda jsir aggressiv fil-konfront tagħhom.

Għalhekk, intalbet l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit iżda r-raġel kompla jsir aggressiv u ma bediex jobdi l-ordnijiet.

Minħabba f’hekk, ir-raġel ġie arrestat, saret tfittxija fuqu, u nstab fil-pussess ta’ madwar 50 borża żgħira b'sustanza suspettata kannabis, lesti biex jiġu ttraffikati, flimkien ma’ €2,800 fi flus kontanti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti llum.

More in Politika