Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mil-lum, l-infographic li tkun ippubblikata kuljum dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f'Malta, se tbiddel l-enfasi minn fuq il-każi l-ġodda għal fuq l-għadd ta' pazjenti fl-isptar u fl-ITU.
Fearne qal dan fuq Twitter hekk kif ħabbar ukoll li bħalissa f'Mater Dei hemm 29 pazjent u tnejn minnhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
L-għadd ta' pazjenti fl-isptar jibqa' wieħed baxx minkejja li Malta għandha aktar minn 700 każ attiv ta' Covid-19.
Intant tħabbar ukoll li minn meta waslet l-ewwel konsenja tal-vaċċin, Malta amministrat aktar minn 800,000 tilqima.
Mil-bieraħ ukoll Malta bdiet tamministra l-booster tal-vaċċin lill-anzjani residenti fi djar ta' kura u fil-ġranet li ġejjin se jirċievu t-tilqima anke dawk il-persuni li minħabba kundizzjonijiet mediċi, ma bnewx biżżejjed immunità biż-żewġ dożi.
Minn Ottubru, il-booster se jingħata wkoll lil dawk l-anzjani li għandhom 'il fuq minn 70 sena.