Erba' studenti Franċiżi li kienu fuq btala f'Malta, wieġbu ħatja li wettqu ħsara fuq parti storika fil-Park tal-Majjistral.
Iż-żgħażagħ li għandhom bejn 20 u 22 sena tressqu l-Qorti llum akkużati li kkawżaw ħsara fuq proprjetà kulturali, li qatgħu pjanta protetta, li tellgħu kampijiet u li anke qabbdu n-nar mingħajr l-approvazzjoni tat-tmexxija tal-park.
Il-każ seħħ f'Ras Il-Waħx in Mellieħa.
Il-Pulizija ssejħu fuq il-post ilbieraħ meta gwardjani tal-Park indunaw li l-grupp kienu qabdu n-nar fuq parti li kienet isservi bħala post ta' diviża mill-militar Ingliż.
Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li l-erba' tfajliet ikkopraw mal-Pulizija u li ma kinux konxji li dak li kienu qed jagħmlu kien illegali.
Qal ukoll li skont is-Supretendent tal-Patrimonju Kulturali, il-ħsara li saret kienet waħda minima u li kienu qed jissuġġerixxu sentenza sospiża.
Id-Difiża insistiet li l-akkużati ħadu t-tagħlima u insistiet li ma kinux jafu li dak li qed jagħmlu kien ħażin. Qalet li riedu biss iqabbdu n-nar biex jixwu l-marshmallows.