Analiżi | Il-futur tal-edukazzjoni ... x’futur?

Il-Professur Carmel Borg jagħti ħarsa analitika lejn iż-żewġ estremitajiet fl-ideoloġija u ħsieb f'dak li jirrigwarda edukazzjoni. Dak l-estrem ta' min jemmen fl-edukazzjoni tad-dixxiplina, ir-ropetizzjoni u l-memorja u dawk li jridu sistema aktar progressiva estrema fejn it-tfal jitħallew jitgħallmu li jogħġobhom, meta jridu...

Xhur ilu, il-GWU organizzat forum ta’ ġurnata dwar l-‘Edukazzjoni Ekwa’.  Għal din l-attività attendew uħud mill-aqwa esponenti lokali fil-qasam edukattiv, ħafna minnhom membri tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, istituzzjoni pijuniera fl-imbuttar tal-aġenda tal-ekwità fl-edukazzjoni. F’nofs il-forum, il-kittieb u akkademiku Immanuel Mifsud intalab jirrifletti fuq id-diskorsi tal-ewwel nofs tal-programm. Mifsud, li fl-ewwel snin tal-formazzjoni professjonali tiegħu ħadem fi ħdan il-moviment li ried jara li l-edukazzjoni f’Malta ssir aktar umana, kien sorpriż li ħafna mill-kliem li ntqal matul l-għodwa donnu ma nbidilx miż-żmien li kien student fil-Fakultà tal-Edukazzjoni.  

Il-ġustizzja soċjali u l-istatistika fl-edukazzjoni!

Stħajjiltu jistaqsi: kif, ma nbidel xejn minn tarf is-seklu l-ieħor ‘l hawn, ma sar ebda progress? Il-ġustizzja soċjali fl-edukazzjoni hija tema rikurrenti, impenn politiku bla tmiem, b’diversi truf, saffi u kumplessitajiet intersezzjonali. Filwaqt li l-prinċipju ewlieni tal-ġustizzja soċjali ma jinbidilx -   l-aktar għal min l-aktar għandu bżonn - ir-realtajiet li jiddiżinvellaw is-soċjetà jinbidlu mat-tibdil ekonomiku, demografiku, soċjali, ambjentali, kulturali u ideoloġiku, fost realtajiet fluwidi oħra li jsawru l-ħajja umana. Hekk kif il-fenomeni msemmija u oħrajn jinbidlu fin-natura tagħhom, tinbidel ukoll il-fiżjonomija tal-ħidma b’risq il-ġustizzja soċjali, imnebbħa dejjem mill-valuri tas-solidarjetà, l-inklużjoni u l-ekwità. B’mod konkret, bħala eżempji, id-djalogu interkulturali u l-integrazzjoni ġenwina ta’ studenti mhux imwielda fil-pajjiż, u ċ-ċaħda tal-binariżmu tal-ġeneru, huma temi ċentrali għall-edukaturi li huma soċjalment impenjati; temi li tletin sena ilu kienu għadhom periferali għal ħafna edukaturi li ħadmu għall-ġustizzja soċjali fil-qasam edukattiv. 

F’dinja li ma tieqaf qatt tikkwantifika, tistandardizza u tikkategorizza, ħafna jridu l-evidenza tan-numri biex jibnu l-argumenti tagħhom.  Il-qasam tal-ġustizzja soċjali mhuwiex eċċezzjoni għal din ir-regola.  Mill-korrelazzjoni tas-suċċess skolastiku mal-isfond soċjo ekonomiku,  għar-rabta bejn il-klassi soċjali u l-għażla ta’ kors fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja, l-istatistika serviet mhux ftit il-kawża għal aktar inklużjoni fil-qasam edukattiv.  L-analiżi tal-istatistika ttina bażi tajba biex nibnu argumenti sodi u strateġija li timbotta għal aktar solidarjetà fil-qasam.  

X'għerf għandhom bżonn uliedna? Żewġ filosofiji estremi!

Iżda, l-argumenti b’risq il-gustizzja soċjali fl-edukazzjoni jmorru ferm ‘l hinn mid-dinja tan-numri.  Żewġ temi li għandhom impatt qawwi fuq l-inklużjoni jiffukaw fuq il-kontenut kurrikulari, id-dibattitu dwar x’għerf għandhom bżonn l-ulied biex jgħixu il-preżent b’mod produttiv u biex ikollhom bażi għall-futur, u d-diskussjoni daqstant strateġika u mqanqla dwar liema huma dawk il-metodi tat-tagħlim li jiggarantixxu l-aċċess ekwu għall-għerf u għall-esperjenzi kurrikulari relevanti.  Dawn huma dibattiti importanti ħafna, speċjalment fid-dawl tal-fatt li numru kbir ta’ tfal imtarrfin, kif rajna mill-esperjenza tal-pandemija, jiddependu primarjament fuq l-iskola għall-iżvilupp tal-kapital personali, kulturali u soċjali tagħhom.  

Guy Claxton, akkademiku Ingliż, magħruf sew fil-qasam tax-xjenza konjittiva u t-tagħlim, għadu kif ippubblika ktieb li jixħet dawl fuq l-argumenti li żviluppaw matul is-snin, madwar it-temi li għadhom kif ġew imsemmija.  ‘The Future of Teaching and the Myths that Hold it Back’, it-titlu tal-ktieb ta’ Claxton, juri kif dawn iż-żewġ temi – il-kontenut kurrikulari u l-pedagoġija – ippolarizzaw lil pajjiżu u lill-Istati Uniti, bil-‘knejjes’ rispettivi li nħolqu madwar it-temi jaraw kif jagħmlu biex jattiraw l-attenzjoni tal-politiċi, u jużaw ir-riċerka b’mod silettiv biex jirbħu l-argumenti u jinfluwenzaw il-politika edukattiva u l-opinjoni pubblika. Min jaqra lil Claxton jibda jifhem aktar għaliex l-għalliema u l-ġenituri jħossu li ħafna tibdil li jsir fil-qasam edukattiv huwa sikwit bilġri u kontradittorju.  Dawk li għandhom aktar ħin biex jaqraw u jsegwu regolarment ix-xejriet internazzjonali, u allura huma konxji mill-battalji mit-trunċieri bejn it-tradizzjonalisti u l-progressivi, għandhom isibu fil-ktieb tal-professur Ingliż rendikont iddettaljat tal-manipulazzjoni strateġika u konxja ta’ min irid, b’mod estrem, li mmorru lura għaż-żminijiet Vittorjani, fejn il-bastun tal-għalliema u l-ħażna tal-għerf fil-memorja kienu l-pilastri ewlenin tal-edukazzjoni, jew għall-filosofija progressiva estrema fejn it-tfal jitħallew jitgħallmu li jogħġobhom, meta jridu u kif iridu, bit-temp u r-ritmu tagħhom.  Dawn huma dibattiti tal-bieraħ u llum, bix-xjenza tiżżeffen fin-nofs biex l-argumenti jingħataw aktar saħħa.  

It-tradizzjonalisti kontra l-progressivi fl-edukazzjoni

Il-ġlieda bla tarf u bi sfumaturi differenti, bejn it-tradizzjonalisti u l-progressivi, it-teżi u l-anti-teżi fil-qasam edukattiv, rari twassal għall-armistizzju edukattiv jew għal xi sinteżi produttiva.    Min-naħa waħda, it-tradizzjonalisti jimbuttaw il-karru tal-ħażna tal-għerf bi preparazzjoni għal aktar studju, xprunat mill-marki, premjijiet jew kastigi, b’emfasi kontinwa fuq is-suċċess akkademiku, bi ftit li xejn kontroll mill-istudent fuq it-tagħlim, b’kontenut ħafna drabi maqtugħ mill-ħajja u predeterminat, b’emfasi fuq il-qari, il-kitba, u l-aritmetika, u bil-memorja tokkupa tron privilleġġjat fuq it-tribuna pedagoġika. 

Min-naħa l-oħra, il-progressivi jisħqu fuq l-izvilupp ħolistiku bi preparazzjoni għall-hajja, b’anqas emfasi fuq id-dixxiplina estrinsika u aktar fuq is-sodisfazzjon intrinsiku waqt it-tagħlim, b’aktar spazju għall-interessi tal-istudenti u għall-esperjenzi konkreti tal-ħajja, fejn il-kurżità, ir-riskju, l-esplorazzjoni, l-avventura, il-kreattività, is-sens kritiku, l-esperimentazzjoni u l-iskoperta huma elementi naturali tal-esperjenza kurrikulari.   Fuq kollox, il-progressivi jinsistu li l-edukazzjoni hija att soċjali, mibnija fuq il-kollaborazzjoni u s-sens qawwi ta’ komunalità.    

It-tbegħid f’numru ta’ pajjiżi tal-Punent mill-ħażna tal-għerf fil-memorja t-twila waslet għal reazzjoni qawwija mit-tradizzjonalisti li jsostnu li minn mindu bdejna nenfasizzaw l-iżvilupp personali, b’anqas enfasi fuq il-kontenut, it-tfal tagħna m’għadhom jafu xejn u ma tista’ tkellimhom fuq xejn.  Din ir-reazzjoni, immexxija minn kittieba rispettabbli bħal E.D Hirsh, Herbert Simon, Allan Newell, Katherine Ecclestone, Dennis Hayes u oħrajn waslet biex iddakkar politiċi, bħal Nick Gibb u Michael Gove fl-Ingilterra, li f’ċiklu elettorali ippruvaw idawru r-rotta pedagoġika u kurrikulari f’pajjiżhom għal esperjenza li tisħaq fuq l-akkumulazzjoni tal-għerf ‘ta’ sustanza’ u r-ritorn għal dak li huwa bażiku – qari, kitba u matematika.  

U hawn Malta, kif naħsbuha?

F’Malta, dan id-dibattitu huwa limitat għal żoni privati jew professjonali, u ftit li xejn għandna diskussjoni pubblika fuq is-suġġett.  Meta saret, ħafna drabi l-argumenti kienu mibnija fuq intwizzjoni, bi ftit li xejn xjenza aħħarija u bi premessi dubjużi.  Kif juri wkoll Claxton, ir-riżultat ta’ dawn it-tip ta’ diskussjonijiet huwa l-ħolqien u l-perpetwazzjoni ta’ diversi miti li dejjem se jsibu min jiddefendihom u jimbutthom.  Fost il-miti universali mbuttati mit-tradizzjonalisti, u li l-eku tagħhom jinstema’ f’pajjiżna, insibu li: it-tagħlim fit-tfulija bikrija għandu minn kmieni jieħu bixra formali, għax tfal żvantaġġjati m’għandhomx ħin x’jaħlu fil-logħob u fl-esperimentazzjoni; il-ħsieb kritiku għandu jibda tard fil-vjaġġ edukattiv tal-istudenti, għax huwa marbut mal-maturità; meta ngħidu lit-tfal biex jipparteċipaw fil-produzzjoni tal-għerf inkunu qegħdin naljenawhom minn għerf ta’ sustanza li l-għalliema biss jistgħu jagħtu;  l-istudenti ma jistgħux jaħsbu jekk ma jkunux għadhom akkumulaw ħafna għerf; hemm mod wieħed tajjeb kif l-għalliema jgħallmu, il-mod dirett u frontali; tagħlim tajjeb jinvolvi ħafna repetizzjoni, assessjar kontinwu, eżami fl-aħħar u ttestjar tal-memorja; il-fatt li ħafna studenti għandhom aċċess għall-internet m’għandux jinfluwenza t-tagħlim fil-klassi; l-għerf huwa fatti, u l-akkumulazzjoni tal-għerf huwa sinjal ta’ intelliġenza;  it-tqassim tal-għerf f’suġġetti huwa sagrosant; is-suġġetti għandhom jinżammu separati minn xulxin; it-tagħlim inter- jew multi-dixxiplinarju jwassal għas-superfiċjalità; mhuwiex possibbli li ngħallmu lit-tfal jaħsbu; mhuwiex possibbli li niffurmaw il-karattru epistemiku, jiġifieri niffurmaw l-attitudni lejn it-tagħlim; l-għerf skolastiku u l-għerf estern għall-iskola huma differenti minn xulxin; il-ġenetika hija l-unika determinant tas-suċċess akkademiku; mhux kulħadd huwa tajjeb għall-iskola, hawn min hu tajjeb b’idejh; is-suġġetti applikati qegħdin hemm bħala alternattiva għal min mhuwiex akkademiku; u l-inklużjoni ta’ kulħadd fl-istess klassi u l-pedagoġija differenzjata jaħdmu kontra l-interessi edukattivi tat-tfal.   

'It-tagħlim dirett tal-għalliema jimblokka ħafna opportunitajiet'

M’hemmx dubju li b’ħajja daqshekk kumplessa, l-istudenti jridu jkunu jafu ħafna affarijiet.  X’iridu jkunu jafu fl-ewwel kwart tas-seklu wieħed u għoxrin huwa suġġett kumpless, u m’hemmx tweġibiet faċli.  Fl-attentat biex inwieġbu dawn l-mistoqsijiet diffiċli, irridu nżommu f’moħħna li l-istudenti jitgħallmu b’diversi modi.  Jitgħallmu billi jesperjenzaw, jesperimentaw, jiddubitaw, jinterrogaw, josservaw, jikkonċentraw, jipprattikaw, joħolqu, jilagħbu, isusu wara storja, jistaqsu, jiskavaw il-passat u jitgħallmu minnu, jimmaġinaw, joħolmu, janalizzaw, jivvalutaw, jiżnu, jiġġudikaw, jaħsbu b’mod loġiku, jippruvaw u jerġgħu jippruvaw, iħażżu, jistudjaw, jiddjalogaw, jaħdmu għalenija, jużaw il-memorja, jibnu, jikklassifikaw, u jorganizzaw. Fi kliem ieħor, esperjenza kurrikulari mibnija fuq id-depożitu ta’ għerf pre-determinat, idettat minn sillabi mburġati bil-kontenut, in-norma edukattiva Maltija, ma taqdix il-firxa ta’ possibilitajiet ta’ aċċess u ko-produzzjoni tal-għerf.  It-tagħlim dirett tal-għalliema, f’ġirja waħda biex jitlaħħaq is-sillabu f’perjodu skolastiku qasir, jimblokka ħafna opportunitajiet li jgħinu lill-istudenti jsiru aġenti attivi fil-proċess tat-tagħlim u, possibilment, produtturi tal-għerf tul ħajjithom.  L-għajta ‘m’għandniex ħin’, għajta komuni li nisma’ fis-swali tat-taħriġ kontinwu tal-għalliema, hija l-għajta ta’ sistema edukattiva li qatgħet qalbha li tiġġedded u tidħol f’seklu li se jkompli jwaddbilna sfidi li m’aħniex lesti għalihom. 

Filwaqt li d-diskussjoni dwar il-futur tal-edukazzjoni f’Malta jidher li għadha għaddejja fi stadju ta’ xi kumitat, għal dawk li jimpurthom mill-preżent, tajjeb niftakru li aktar milli fatti, jeżistu kategoriji ta’ għerf li s-sistema edukattiva trid timubutthom ħafna aktar mill-għerf statiku. Irridu nitilqu mill-premessa li l-istudenti għandhom ġibda naturali għat-tagħlim, u nammettu li ħafna drabi l-iskola toqtol il-kurżità u l-ħeġġa għat-tagħlim.  Irridu wkoll naċċettaw il-fatt li biex ngħattu xturna, għandna t-tendenza li nippatoloġizzaw lill-istudenti li jazzardaw jisfidaw l-aspettativi dubjużi tagħna; niżolawhom, nikkastigawhom, ngħidu li mhumiex tajbin għall-iskola, intuhom esperjenzi kurrikulari inferjuri, nippruvaw nippreparawhom għal xogħol prekarju mis-sekondarja, u noħolqu kategoriji ġodda biex niddeskrivuhom. Meta konna ħsibna li Malta daħlet fil-familja tal-pajjiżi b’edukazzjoni inklużiva, illum ninsabu minn tal-aħħar fil-klassifika tal-edukazzjoni ekwa, b’reġim edukattiv li b’mod mill-aktar kontradittorju, u dejjem f’isem il-ġustizzja soċjali, jibqa’ jifred lit-tfal f’kategoriji u rotot differenti.  

More in Politika