Kemm il-Partit Nazzjonalista u anke l-Partit Laburista se jkunu qed jorganizzaw attivitajiet lejlet l-Indipendenza, biż-żewġ mexxejja politiċi se jindirizzaw lill-folla, anke jekk din se tkun limitata skont ir-restrizzjonijiet tal-pandemija.
Fil-fatt, għalkemm normalment huwa l-Partit Nazzjonalista li jiċċelebra b'attivitajiet l-Indipendenza u anke jorganizza mass meeting fuq il-Fosos fl-20 ta' Settembru, din is-sena anke l-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jindirizza 'rally' fl-MFCC Ta' Qali.
Il-Partit Nazzjonalista, diġà beda jorganizza għadd ta' diskussjonjiet u dawn, flimkien ma' attivitajiet oħra, se jilħqu l-qofol tagħhom fuq il-Fosos tal-Furjana fil-ġranet ta' qabel Jum l-Indipendenza u bid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fl-20 ta' Settembru.
Intant, il-Partit Laburista wkoll se jorganizza Konferenza mis-17 ta' Settembru u li se tilħaq il-qofol tagħha bir-rally f'Ta' Qali fl-20 ta' Settembru.
Il-mossa tal-Partit Laburista tkompli tqajjem il-mistoqsijiet dwar jekk l-elezzjoni hux se tkun qed issir aktar tard din is-sena.
Anke jekk il-fatt li se jsir il-Baġit fil-11 ta' Ottubru jitfa' f'dubju kemm elezzjoni f'Novembru hija possibbli, il-Prim Ministru qatt ma ċaħad kategorikament meta mistoqsi jekk hux qed iħares lejn elezzjoni aktar tard din is-sena.
Qabel ixolji l-Parlament, il-Baġit irid jitressaq u jkun approvat wara li jsiru d-diskussjonijiet kollha, inkluż minn kull Ministeru. Jekk il-Parlament ixolji qabel, il-Baġit ikun irid jerġa' jitressaq wara l-ftuħ tal-Parlament il-ġdid.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, anke jekk saħaq li l-Gvern jinsab determinat li jħabbar u jwettaq il-Baġit, fl-istess nifs il-Prim Ministru wieġeb biss li "d-data tal-elezzjoni titħabbar meta jkun fl-interess nazzjonali."
Aqra wkoll: