Il-Ministri għat-Trasport, ta’ Malta u anke l-Libja, iffirmaw ftehim bil-għan li jerġgħu jibdew titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi. Qal dan il-Prim Ministru Libjan Abdulhamid Dbeibah.
Wara laqgħa twila bejn membri tal-Kabinett Malti u dak Libjan, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Ministru Dbeibah indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet li matulha saħqu li qablu bejniethom biex jaħdmu fuq diversi proġetti u biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bilaterali.
Dbeibah qal li ntlaħaq qbil biex ikun hemm aktar investimenti komuni bejn iż-żewġ pajjiżi u anke biex jitwaqqfu għadd ta’ kumitati li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ permessi.
Kien hawn li ħabbar li ntlaħaq qbil u ġie ffirmat ftehim biex jerġgħu jibdew titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Qal ukoll li l-Ministri għad-Difiża taż-żewġ pajjiżi qablu li jaħdmu flimkien fuq diversi kwistjonijiet li l-komunità Libjana f’Malta qed tiffaċċja u anke ddiskutew l-isfidi tal-immigrazzjoni u anke tat-traffikar.
“Jiena kuntent bl-atmosfera pożittiva, il-ħbiberija u l-fiduċja bejnietna. Din il-laqgħa ħalliet ħafna aktar frott minn kemm stennejna,” insista l-Prim Ministru Libjan.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Abela wera s-sodisfazzjon tiegħu li Dbeibah għażel lil Malta biex tkun waħda mil-ewwel żjarat uffiċjali tiegħu minn kemm ilu li sar Prim Ministru tal-Libja.
Insista li Malta u L-Libja għandhom iħarsu lejn setturi ġodda li jistgħu jiżviluppaw flimkien, fosthom is-settur tal-enerġija.
Tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti f’Dbeibah u l-Gvern Libjan tal-Għaqda Nazzjonali u insista li l-proċess tranżitorju qabel l-elezzjoni fil-Libja, għandu jkun proċess demokratiku b’saħħtu għall-poplu Libjan.
‘B’dan il-mod biss nistgħu nassiguraw l-istabbilità tas-sigurtà fil-Libja. Malta lesta li toffri l-appoġġ kollu tagħha,” insista Abela.
Fakkar ukoll kif Malta fetħet mill-ġdid l-ambaxxata tagħha fi Tripli li reġgħet qed tipproċessa applikazzjonijiet tal-visas.