Il-ġurnalist u l-attivist Peppi Azzopardi kiteb lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jekk il-Papa jżur Malta aktar tard din is-sena, jassigura li dan jagħmel waqfa fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Fuq Facebook, Peppi poġġa dak li kiteb lill-Arċisqof. Ifakkru li fiż-żjarat tiegħu, il-Papa dejjem ipprefera jżur il-batut milli joqgħod jieħu b’idejn il-kbarat u jippoża għar-ritratti.
"Naf li diġà hemm arranġamenti biex iżur lil ħutna l-immigranti, jiltaqa’ magħhom u jisma’ l-karba tagħhom. M’għandix dubju li se jkellimna dwarhom. Meta żar l-immigranti f’pajjiżi oħra Papa Franġisku jinsisti li “huwa inuman li nagħlqu l-bibien tagħna għall-immigranti." Grazzi Mons talli l-Knisja f’Malta żżomm jgħixu magħha ’l fuq minn 450 immigrant," jikteb Azzopardi.
Kien hawn li l-ġurnalist insista li "fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna" il-Papa Franġisku għandu jżur il-ħabs u jiltaqa’ mal-priġunieri.
Fakkru wkoll f'siltiet mid-diskorsi tal-Papa Franġisku meta żar diversi ħabsijiet. Dawn huma:
- “Ma tistax titkellem fuq li l-priġunieri jħallsu d-dejn lis-soċjetà minn ġo ċella bla twieqi u bla tama.”
- “Huwa aktar ħafif li fil-ħabs toppressa milli teduka. U aktar komdu wkoll.”
- “Uħud fostna sfortunatament jemmnu li biex infittxu s-sigurtà lill-priġunieri nsakkruhom fiċ-ċella u niżolawhom u li b’daqshekk se nsibu xi soluzzjoni għas-soċjetà.”
Ifakkru wkoll li meta l-Papa Franġisku jindirizza lill-uffiċjali għolja tal-ħabs jgħidilhom: “Uru kompassjoni mal-uġigħ u mal-feriti ta’ ħutkom il-priġunieri”.
Insista li ma għandu l-ebda dubju li meta jżur Malta, il-Papa se jilqa' l-appell u jżur il-ħabs.