Il-President ta' Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu, dalgħodu żaru l-post fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija.
Fi stqarrija, il-familja Caruana Galizia qalet li fid-dawl tar-rapport dwar l-inkjesta pubblika, laqgħu dan il-ġest tal-President.
Insistiet li huwa f'waqtu li l-Istat Malti jsellem il-memorja u s-sagrifiċċji li għamlet Daphne u anke jirrikonoxxi li għandu jerfa' r-responsabbilità għall-assassinju tagħha u għall-fatt li naqas milli jippreveni dan il-qtil.
Il-familja insistiet li taqsam mal-President it-tama li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika jibdew idewwu l-ħsara li l-assassinju ħalla fuq il-pajjiż u fuq is-Saltna tad-Dritt, filwaqt li jtemmu l-impunità u twassal għall-protezzjoni tal-ġurnalisti.