Tliet resident Maltin ressqu protest ġudizzjarju kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci u d-deċiżjoni li tkun imposta kwarantina f’lukanda għal dawk il-persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi li mhumiex meqjusa siguri għas-safar minħabba l-Covid-19.
Dawn it-tliet resident, li għandhom proprjetà f’Malta kienu għadhom kemm waslu mit-Tuneżija meta ġew eskortati mill-Pulizija għal-lukanda Corinthia Marina.
Fil-protest, it-tliet residenti qalu li kienu spjegaw lill-awtoritajiet li huma sidien ta’ proprjetà f’Malta u kienu lesti jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata fid-dar.
Madanakollu t-talba tagħhom ma kinitx milqugħa u fi kliemhom kellhom iħallsu €1,400 għal dik li huma qed isejħulha bħala “detenzjoni illegali.”
Spjegaw kif il-lukanda qed tkun mimlija Pulizija fejn dawk li jkunu kwarantina lanqas biss qed jitħallew joħorġu jimxu ftit fil-kuritur.
It-tliet persuni qed jisħqu li Gauci qed tikser id-drittijiet umani tagħhom u anke l-libertajiet tagħhom, fosthom dak dwar “il-protezzjoni minn arrest arbitrarju jew detenzjoni.” Qed jisħqu wkoll li t-trattament fil-konfront tagħhom kien wieħed inuman.
Dr Andre Borg, f’isem it-tliet persuni qal li din il-miżura hija waħda eċċessiva, aktar u aktar meta wieħed iqis li Malta mhijiex taħt Emerġenza tas-Saħħa u anke fid-dawl tal-fatt li aktar minn 90% tal-popolazzjoni hija mlaqqma kompletament.
Ir-residenti għalhekk qed jisħqu li “ma hemm l-ebda sens ta’ proporzjonalità” bejn il-bżonn li tkun protetta s-soċjetà mit-tixrid tal-virus u d-detenzjoni ta’ persuni kontra l-volontà tagħhom u li qed ikunu mċaħħda mill-aċċess għall-proprjetà li hija tagħhom.
Akkużaw lil Gauci li b’din id-deċiżjoni mhux qed tipproteġi s-saħħa pubblika għax, fi kliemhom, b’deċiżjonijiet simili qed jiżdiedu l-problemi ta’ saħħa mentali.
Huma qed jisħqu wkoll li anke l-€1,400 huma ħafna meta wieħed iqis “is-servizz fqir” li ingħataw. Qalu li lanqas ma kienu qed ibiddlulhom il-lożor jew inkella x-xugamani.
Il-protest jitlob lil Gauci biex tirrevoka din il-miżura u anke biex tħallas lura lill-istess r-residenti l-flus li nefqu.
Aqra wkoll: