Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana saħaq li l-baġit li jmiss u baġits oħra li ġejjin warajh mhux se jkunu qed jintroduċu taxxi ġodda u dan minkejja l-piż finanzjarju li ġabet magħha l-pandemija.
Caruana qal dan meta nieda d-dokument ta’ qabel il-Baġit, bit-tema: “X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?”
Dan se jkun l-ewwel baġit tal-Ministru Caruana.
Il-Ministru spjega li bejn l-2015 u l-2019, Malta rat tkabbir ekonomiku ta’ 7.2% u tnaqqis ta’ 8.3% fl-2020 minħabba l-pandemija.
It-tbassir huwa li tul din is-sena, l-ekonomija se tkun kibret b’6% (3.8% f’termini reali) u 4.9% fl-2022 (6.8% f’termini reali).
Dwar il-persuni bla xogħol u li qed ifittxu impjieg, il-Ministru saħaq li dawn komplew jonqsu tul l-2021, bir-rata tal-qagħad issa hija inqas minn dik irreġistrata fl-2019.
Kompla jitkellem dwar il-pandemija u insista li din swiet il-miljuni lill-Gvern iżda insista wkoll li l-finanzji tal-pajjiż kienu jaffordjaw dan.
Insista kif sal-aħħar ta’ din is-sena, il-pandemija se tkun swiet lill-pajjiż total ta’ €1.5 biljun.
Dwar id-dejn tal-pajjiż, il-Ministru saħaq li dan jinsab fil-livell ta’ 65% fl-2021 u mistenni jilħaq il-65.8% fl-2022.
Is-settur tas-saħħa jibqa’ l-aktar settur li l-Gvern jinvesti fih. Qal li meta mqabbel mal-2020, in-nefqa f’dan is-settur irdoppjat. Ħabbar ukoll li l-baġit se jkun qed jintroduċi lista ta’ mediċini ġodda.
Qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jibda eżerċizzju bil-għan li jonqsu l-abbużi reletati mal-evażjoni tal-VAT. Insista li hu jrid jara żvilupp ekonomiku u mhux sempliċiment tkabbir, għax fi kliemu, dan ikun ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Baġit se jkun qed jitressaq quddiem il-Parlament nhar il-11 ta' Ottubru.