Il-Ministeru għall-anzjani u l-anzjanità attivia ħabbar li tlesta l-proċess tat-tilqim bil-booster tal-vaċċin kontra l-COVID-19 fost l-anzjani, kemm dawk li huma residenti f’San Vinċenz de Paul kif ukoll dawk fid-djar kollha tal-anzjani, kemm tal-Gvern, tal-Knisja u privat.
L-ewwel doża tal-booster ingħatat fis-6 ta’ Settembru 2021. Il-proċess ta’ tilqim tar-residenti f’San Vinċenz de Paul tlesta l-ġimgħa li għaddiet, filwaqt li llum tlesta l-proċess fid-djar kollha tal-anzjani.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li dawk l-anzjani li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jieħdu d-doża tal-booster se tingħatalhom fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.
Sadanittant qed jitlesta wkoll il-proċess biex fil-ġimgħat li ġejjin dawn ir-residenti jingħataw it-tilqima kontra l-influwenza.
Mill-ġimgħa d-dieħla, l-anzjani li għandhom aktar minn 70 sena u li jgħixu fil-komunità se jibdew jirċievu l-appuntament għall-booster filwaqt li bħalissa għaddej ukoll it-tilqim ta' persuni b'immunità baxxa minħabba kundizzjonijiet li għandhom jew kura li qed jirċievu.