Imħallef ressaq ilment kriminali kontra l-Avukat u d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar kummenti li ppubblika fuq Facebook fl-istess ġurnata li hu kien mistenni jiddeċiedi dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest li għamel Yorgen Fenech.
L-Imħallef Giovanni Grixti ressaq dan l-ilment wara li Azzopardi kien kiteb li Grixti kien xtara dgħajsa mingħand missier Yorgen Fenech lura fl-2008, meta hu kien diġà Imħallef.
Fl-istess ġurnata li Azzopardi kiteb dan, Grixti kellu jiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech.
Azzopardi kien ippubblika wkoll ritratt tad-dgħajsa u kiten: “taf tistħi?” Qal ukoll li l-istess Grixti kien qal lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li l-Panama Papers huma biss spekulazzjoni.
Grixti kien iddeċieda kontra l-ħelsien mill-arrest.
Grixti ressaq dan l-ilment iżda la l-Kummissarju tal-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali ma qalu li hemm element kriminali fil-kummenti.
Dwar il-kummenti, anke l-Avukati ta’ Yorgen Fenech kienu kitbu lill-Prim Imħallef dwar dak li huma sejħulu “intimidazzjoni sistematika tal-ġudikatura.”
Anke l-Kamra tal-Avukati kienet kitbet lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tħares lejn il-kummenti ta’ Azzopardi u tinvestigahom.