Protesta kontra l-miżuri tal-Covid-19 tinqasam fit-tnejn wara li d-dimostranti ma qablux bejniethom
Dan wara li fazzjoni akkużat lill-oħra li qed tkun wisq politika fil-kummenti tagħha
More in Politika
Dan wara li fazzjoni akkużat lill-oħra li qed tkun wisq politika fil-kummenti tagħha
Protesta li saret fil-Belt Valletta minn persuni li huma kontra r-restrizzjonijiet imposti minħabba l-Covid-19, spiċċat ħażin hekk kif dawk preżenti ma qablux bejniethom fuq il-messaġġi li bdew jingħaddu, tant li nqasmu f’żewġ gruppi.
Tul il-protesta, persuni bdew jgħajtu “għal-libertà” u jikkritikaw il-miżuri dwar l-ilbies tal-maskra u saħanistra talbu li jitwaqqaf darba għal dejjem iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Saħansitra kien hemm grupp li beda jiddeskrivi l-pandemija tal-Covid-19 bħala “gidba.”
Minkejja dan, it-tensjoni bejn l-organizzaturi kienet evidenti.
Fazzjoni bdiet tisħaq li huma jinteressahom mill-futur u anke l-libertà personali u saħanistra qalu li mhumiex neċessarjament kontra l-vaċċin.
Mill-banda l-oħra, il-fazzjoni l-oħra kienet aktar voċifera u aggressiva fil-kummenti tagħha. Skonthom, il-pandemija hija sempliċiment “invenzjoni” u skuża biex aktar nies jitlaqqmu. Fi kliemhom, ħadd ma għandu jkun iddiskriminat għax ma jiħux it-tilqima.
Appellaw ukoll lill-awtoritajiet biex jirrispettaw id-drittijiet tagħhom.
Kien hawn li żdiedet it-tensjoni, bl-ewwel grupp jinqata’ għal kollox mill-grupp l-ieħor u kompla l-protesta madwar it-toroq tal-Belt Valletta, waħdu.
Huma kkritikaw lill-grupp l-ieħor li qed ikunu politiċi wisq fil-kummenti tagħhom u li huma ma kinux lesti li jkunu kompliċi.
Quddiem il-Parlament, dan il-grupp talab għar-riżenja tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u tal-Ministru Chris Fearne.