Diversi persuni li jħobbu u jitkellmu ħafna favur id-drittijiet tal-annimali, ipprotestaw quddiem il-binja tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għad-deċiżjoni li jitraqqdu tlett iklieb pitbull li ġew salvati x-xahar li għadda.
Id-dimostranti akkużaw lid-Direttorat li qatlu dawn il-klieb minkejja li kienu f’saħħithom.
Dwar dan il-każ għaddejja investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.
Id-Direttorat qed jiċħad dikjarazzjonijiet li saru fuq il-midja soċjali, jiġifieri li l-klieb traqqdu minħabba r-razza tagħhom.
Madanakollu, fi stqarrija, id-Direttorat qal li “f’ċertu każi rari” minħabba saħħa mentali, natura imprevedibbli u raġunijiet oħra, ma jkunx jista’ jirriskja li klieb ikunu adotatti mill-pubbliku.
Id-dimostranti talbu wkoll lid-Direttorat biex ma jżommx lill-klieb maqfula fil-gaġeġ matul il-ġurnata kollha. Fi kliemhom, dan joħloq frustrazzjoni fost il-kliem u jista’ jagħmilhom ukoll aggressivi.