Iż-żjara tal-Papa Franġisku f'Malta mistennija sseħħ fl-ewwel ġimgħa ta' Diċembru anke jekk id-dati u l-programm għadhom mhux ikkonfermati.
Kif kien irrapportat, il-Papa se jkun qed jgħaqqad il-vjaġġ tiegħu f'Malta, ma' żjarat f'Ċipru u fil-Greċja.
Fil-fatt, il-Papa Franġisku se jkun qed iżur Ċipru bejn it-2 u 3 ta' Diċembru.
Sorsi viċin id-diskussjonijiet qalu ma' MaltaToday li l-Papa mistenni jżur Malta fil-jiem ta' wara.
Għadu mhux magħruf jekk il-Papa hux se jqatta' lejl f'Malta jew inkella hux ġej għal żjara ta' ġurnata.
Iż-żjara tal-Papa, li kellha seħħ is-sena li għaddiet, ġiet posposta minħabba l-pandemija. Il-Papa kien se jagħmel jumejn f'Malta hekk kif kien mistenni li jżur ukoll Għawdex.