Analiżi | Aħna lkoll ‘Mandraġġara’

Il-bini bla rażan, l-indifferenza tal-Maltin, is-sehem attiv fil-bini ta’ kull roqgħa, il-gabubi li qed jinbnew u li ħafna qed ikunu kostretti li jgħixu fihom, it-tnaqqir tal-ispazji pubbliċi u miftuħa, ifisser biss li kollha kemm aħna qed ngħixu ‘ta’ Mandraġġara.’ Jikteb il-Professur Carmel Borg

F’waħda mid-diski ta’ Jethro Tull, ‘L-Apokalissi Urbana’, il-grupp mużikali minn Blackpool isejħilna biex inwaqqfu l-għajta tal-‘progress’, naqilbu l-imwejjed fit-tempji, u nieqfu  nistennew l-aħbarijiet ta’ kuljum, għax il-Messija mhux ġej bil-bxara t-tajba.  Il-grupp iwissina li qegħdin nikkompetu f’tiġrija li nafu li se nitilfu; jitlobna biex inħallu r-raġuni terġa’ssib magħqadha, filwaqt li jfakkarna li r-riedni tal-apokalissi jinsabu f’idejna. L-imgħallma tar-rock progressiv jemmnu li t-trażżin tal-mixja evoluzzjonarja u qerrieda tal-‘progress’ jinsab fit-tfittxija għal elementi atavisti minn żminijiet fejn ambjentalment konna ferm aħjar meta materjalment konna agħar.  

Il-mudell ekonomiku ta’ aħtaf kemm ittik saħħtek, sakemm Helios, l-alla tal-Greċja l-Antika, jibqa’ jxemmex fuqna, jikkontradixxi t-tfittxija għall-ħajja ta’ kwalità, li żgur ma titkejjilx minn kemm binjet ir-raħal qiegħda tespandi lateralment jew ‘il fuq u l-eqreb possibbli għall-ġenna mitlufa.   Hekk kif il-morsa urbana tkompli tagħfas fuq ħajjitna, ma nistgħux inkomplu naħarbu mill-fatt li bl-indifferenza tagħna, l-appoġġ bla qies li ħafna minna nagħtu lill-politiċi responsabbli għat-tfassil dubjuż u abbużiv tal-politika urbana, u s-sehem attiv tagħna fil-bini regolari u rregolari ta’ kull roqgħa u kantuniera ta’ pajjiżna, aħna lkoll responsabbli għall-orġja urbana li tiddefinixxi lil pajjiżna.   Għall-mandraġġ li ħloqna minn blata, aħna lkoll ikkundannati f’għajnejn il-ġenerazzjonijiet futuri.  Mill-iżbarra ambjentali se jkollna nammettu li aħna lkoll ‘mandraġġara’.   

Filwaqt li ħafna huma dawk li xorbu mix-xampanja tal-iżvilupp bla qies, l-iskular kritiku li jispeċjalizza fil-politika urbana, Alessandro Busà, jistaqsina dwar min eżattament qiegħed igawdi mill-urbanizazzjoni bla rażan, u x’qed jieħu l-komun mid-dulluvju urban li qed jeqred minn kull fejn jgħaddi.  Fit-tweġiba studjata li jagħtina, Busà jistqarr li deċenji ta’ spekulazzjoni u kummerċjalizazzjoni tal-ispazji waslu biex il-komun sar speċi mhedda f’ambjent aljen għall-ħajja umana.  Jidher ċar li aħna l-bnedmin m’aħniex inlaħħqu mat-tibdil tant mgħaġġel tal-ekoloġija żnaturata li fiha rridu ngħixu.  B’ton nekrofiliku, Busà jistqarr li ħafna minna qegħdin neżistu f’ekoloġija urbana li żżommna ħajjin fuq il-magna tal- aljenazzjonijiet tal-ekonomija tax-xewqat, b’teknoloġiji li jtuna l-illużjoni tal-inkontru filwaqt li jħalluna f’relazzjoni introspettiva magħna nfusna. Dan qiegħed jiġri għax ħafna mill-ispazji naturali tal-kuntatt uman inqerdu mill-iżvilupp urban nieqes mill-kwalità.  

‘Pajjiżna ħoloq ambjent li jnikktek tħares lejh u jmardek tgħix fih’

Pajjiżna mhux biss kiel lilu nnifsu iżda ħoloq ambjent mibni li jnikktek tħares lejh u jmardek tgħix fih.  Robert Smithson, artist u skultur Amerikan, jirreferi għall-ambjent mibni bi ftit valur estetiku bħala ‘l-arkitettura tal-entropija.’  Bini bla ordni u dekadenti mid-disinn. L-estetika tal-kruha, kif sejħilha Karl Rosenkranz fis-seklu dsatax, hija ċ-ċaħda tal-valur tas-sbuħija; valur li jiddependi ħafna fuq l-armonija u l-immaljar organiku mal-ambjent.  Hekk kif l-ambjent jiddeterjora, l-perit-żviluppatur-kuntrattur ma jkunx kapaċi jżomm il-burdura estetika tal-binja mill-ambjent li jdawwar il-binja, dak li jitla’ ġdid isir parti integrali mill-kruha ta’ barra. Il-ġerħa ambjentali tinfetta u ma jibqa’ l-ebda għan li wieħed jirreżisti l-kruha. Anzi, il-kruha tant issir normalizzata li l-għażla leġittima tiżviluppa f’għażla bejn il-varjanti tal-kruha.  

Għall-mandraġġ li ħloqna minn blata, aħna lkoll ikkundannati f’għajnejn il-ġenerazzjonijiet futuri. Mill-iżbarra ambjentali se jkollna nammettu li aħna lkoll ‘mandraġġara’

Il-vittmi tal-pandemija tal-kruha arkitettonika ma jitħabbrux kuljum.  Sakemm il-murtal jibqa’ jdawwal is-sema u l-banda tibqa’ ddoqq ma nqisux il-marda urbana bħala perikoluża għas-saħħa umana, dejjem jekk l-uman jibqa’ fiċ-ċentru, u għal-ekoloġija, jekk naddottaw il-filosofija tal-interdipendenza.

‘L-estetika urbana tirrifletti l-burdata tal-pajjiż

Peter Marcuse, professur emeritu fil-qasam tal-ippjanar urban, u iben Herbert Marcuse, il-filosofu u teorista kritiku, jistqarr li l-estetika urbana tirrifletti l-burdata tal-pajjiż. Spazji li jinbnew f’kuntest fejn l-iżviluppatur/spekulatur/kuntrattur jinteressah biss li jagħmel Ewro ta’ malajr u bl-anqas spejjeż possibbli, u fejn l-awtortitajiet jista’ jkun li ma jaraw xejn ħażin f’dan ir-raġunament jew, agħar minn hekk, huma wisq ġwejfin biex jirreżistu l-gaffa politika li hija msieħba attiva f’dan ir-raġunament, għandhom it-tendenza li jiżviluppaw f’inħawi urbani li jwieġbu għall-effiċjenza, ħeffa u produzzjoni ta’ bini fuq livell industrijali.  F’dan il-qafas ta’ ħsieb, il-binja ssir komodità, prodott għall-bejgħ, li jekk jista’ jkun jinbiegħ bilġri minn fuq il-pjanta.   Bħal kull prodott li jidħol fil-loġika tas-suq urban immatur, il-profitt huwa l-għan ewlieni tal-proġett. Is-sbuħija hija sekondarja.      

Filfatt, dak li jidher li qiegħed isir f’isem l-iżvilupp tal-pajjiż, il-mantra tal-politiku li jgħatti x-xemx tal-iżvilupp bl-għarbiel tal-progress, jirrifletti sotto-żvilupp li ssibu f’pajjiżi li ħerġin bil-mod mill-faqar, u li qegħdin jiskopru l-ġid fuq livell popolari għall-ewwel darba. F’dawn il-pajjiżi, ftit li xejn issib nies ippreparati intelletwalment u estetikament biex jirreżistu l-kruha.  Il-politiċi u l-funzjonarji tagħhom joħolqu sistema li tippermetti li l-urban, f’ħakka t’għajn, isir foresta li jkollok timxi fiha, filwaqt tagħlaq għajnejk biex tevitaha.  

‘Fil-ġungla urbana ssib iż-żerriegħa ta’ ekonomija vjolenti’

Diversi speċjalisti tal-iżvilupp urban, imnebbħin mill-ġustizzja soċjali, jikkummentaw dwar kif fil-ġungla urbana wieħed jista’ jsib iż-żerriegħa u l-inkubatur ta’ ekonomija vjolenti; ekonomija li tikkonċentra l-ġid u l-poter, titfa’ il-mases f’dejn perpetwu, tkeċċi lin-nies minn djarhom, tiġġentrifika mingħajr ma taħseb fil-konsegwenzi soċjali, tipprivatizza l-ispażji tal-poplu, u timmassimizza l-profitt mill-bini bl-istess loġika taċ-ċikkulata li dejjem tiċċekken fid-daqs biex jikbrilha l-profitt.  Fejn l-Istat hu preżenti, jidħol biex irattab it-tisbita li tħalli l-ekonomija mibnija tas-suq.  Fejn l-Istat huwa mmexxi mis-suq ħieles u mhuwiex preżenti soċjalment, ħafna jitħallew jiġbru l-frak mit-triq.  Iż-żewġ tipi ta’ Stati huma kompliċi fl-urbanizazzjoni selvaġġa u fit-tnaqqir tal- kwalità tal-ħajja urbana u domestika, għax it-tnejn jagħlqu għajnejhom għad-dittatura tas-suq li jfaqqar u għall-isfreġju ambjentali, li bħal ħabel ingassa qiegħed dejjem jagħfas ma’ għonq is-soċjetà.  

Skont l-aħħar riċerka, l-agressjoni fuq it-tfal minn ġenituri taħt stress ekonomiku, soċjali u emozzjonali, f’ambjent fiżiku żgħir u skomdu, huwa fenomenu li żdied fil-kuntest tal-pandemija

L-effett psikoloġiku ta’ ambjent urban li qiegħed jespandi u ta’ ambjenti interni li jiċkienu proporzjonalment mal-ispekulazzjoni tal-art, huwa qasam studjat sew internazzjonalment.It-tiċkin tal-metri kwadri abitabbli huwa effett dirett ta’ politika demografika li taqdi lis-suq b’aktar konsum u ta’ politika ekonomika u fiskali li ħalliet il-prezzijiet tal-bini għal riħ is-suq, bil-prezz tal-bini jogħla ferm aktar mid-dħul medju tal-popolazzjoni, u ħafna aktar mid-dħul ta’ faxxa kbira ta’ nies fl-iskaluni t’isfel tas-soċjetà.  L-iskemi li jidhru li qegħdin joffru krozzi fiskali lix-xerrej, huma sussidju għall-bejjiegħ li m’għandu l-ebda intenzjoni li jraħħas; skemi li jħajru u jittamaw lil kull min joħlom li jkollu l-post fejn jgħammar iżda li jħallu lill-kotra b’dejn perpetwu u kwalità tal-ħajja limitata. 

Min ma jiflaħx jgħix fil-kobor u min iċ-ċokon huwa sfurzat fuqu

Filwaqt li hemm min iddejjaq jew ma jiflaħax aktar jgħix fil-kobor, irid jispekula għall-qliegħ mill-bejgħ tal-propjetà, irid jaħseb għal uliedu billi jċekken u jgħolli s-sulari, jew jgħix waħdu, ħafna huma dawk li ċ-ċokon tal-post hija għażla sfurzata fuqhom.  Il-ħajja minjatura, kif inhi magħrufa l-ħajja f’ambjenti interni dejjem jiċkienu, sikwit midfuna f’ambjent mibni ffullat, bi ftit dawl tax-xemx, bla ebda spazju komuni jew aħdar, f’toroq mibnija għal djar ta’ żewġ sulari, u b’ebda ġnien jew spazju għal-logħob fil-viżta tal-għajnejn, hija ħajja li taf toffri sfidi soċjali u psikoloġiċi serji.  Bi ftit privatezza, x’aktarx taħt id-dawl artifiċjali, u bil-gallarija, l-unika spazju miftuħ tal-binja, ħafna drabi meħud miċ-ċilindru tal-gass, l-apparat tal-arja kundizzjonata u xi ħbula tal-inxir, il-ħajja f’dawn l-ispazji tista’ tkun sedentarja u klawstrofobika. 

L-għejxien fi spazji żgħar huwa marbut xjentifikament ma’ rati ogħla ta’ vjolenza domestika, anqas privatezza, anqas spazji għall-istudju, anqas produttività skolastika, u aktar stress.  Ir-riċerka ta’ Kimberly Rollings u Gary Evans, biex insemmi studju wieħed minn ħafna fil-qasam, sabet rati ogħla ta’ dipressjoni, solitudni, pressjoni għolja u rati baxxi ta’ suċċess akkademiku fost tfal li jgħixu fi spazji żgħar.  Skont ir-riċerkaturi msemmija, dan kollu jista’ jkun effett dirett ta’ nuqqas ta’ spazju personali; spazju li jgħin lit-tfal jaħarbu minn kuntatt dirett kontinwu ma’ membri oħra tal-familja.  Ta’ tħassib kbir, skont ir-riċerka, huwa l-fatt li ħafna mill-kundizzjonijiet emozzjonali, psikoloġiċi u karatterjali li jiżviluppaw, b’effett dirett jew indirett tan-nuqqas ta’ spazju, jibqgħu jintirtu fl-istadji kollha ta’ ħajjet il-bniedem.  L-effett ta’ ħajja fi spazji limitati jaf ikun dejjiemi.  

Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, il-ġenituri li jrabbu fi spazji limitati għandhom tendenza li jħossuhom aktar stressjati, jorqdu anqas, u jistgħu jkunu aktar aggressivi lejn uliedhom.  Skont l-aħħar riċerka, l-agressjoni fuq it-tfal minn ġenituri taħt stress ekonomiku, soċjali u emozzjonali, f’ambjent fiżiku żgħir u skomdu, huwa fenomenu li żdied fil-kuntest tal-pandemija.  

L-effett tal-urban dejjem kabbari fuq il-viżjoni tad-dinja, speċjalment fuq it-tfal li jgħixu f’familji bi dħul baxx u fi kwartieri ffullati, interessa lil bosta kittieba tul is-snin.  Luciano Bianciardi, ġurnalist u awtur Taljan ta’ stejjer qosra, jirrakkonta storja ta’ tfajjel minn Milan li qatt ma kien ħareġ mill-ambjent tal-belt.  Darba qalulu li se jiħduh fil-kampanja u bdew jispjegawlu s-sbuħija li kien mistenni jara, fosthom ta’ bhejjem li jirgħu fil-wisgħat ħaddara. Dlonk it-tifel staqsa jekk kienx se jara iljunfanti.  Għat-tifel, lil hinn minn Milan kien kollu l-Afrika.  

‘Aħna lkoll ikkundannati li ngħixu ta’ mandraġġara’

B’reazzjoni għall-iżvilupp urban bla rażan li kien qiegħed iseħħ f’dik li titqies bħala t-tieni rivoluzzjoni industrijali Taljana, bejn is-sittinijiet u sebgħinijiet tas-seklu għoxrin, Pier Paolo Pasolini, id-direttur tal-film, kittieb, poeta u intellettwali pubbliku, attakka bl-aħrax it-tkissir tal-forma urbana minn bini bla ħajja, prevedibbli u sikwit abbużiv.  Studju tal-ideat li joħorġu mill-produzzjoni letterarja u ċinematografika tiegħu, juru li Pasolini kien dejjem jimbotta l-idea li l-urban għandu dejjem jiżviluppa mill-għarfien ekoloġiku. Nostalġija? Utopija? Żgur li la l-qassisin il-kbar tal-politika Maltija u lanqas is-slaten tal-iżvilupp ma wrewna s-sensittivitàPasolina.  Għalhekk, se jkollna nibqgħu nittraxxendu l-kruha tal-ambjent mibni tagħna billi nieħdu l-parir ta’ Italo Calvino u noħolmu fi bliet inviżibbli.  Sadattant, lura fl-art, aħna lkoll ikkundannati li nibqgħu ngħixu, fi kliem Gużè Chetcuti, ta’ mandraġġara.  

More in Politika