Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ottubru 2021 f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, se tittella’ l-ewwel attività kulturali għal skop ta’ riċerka li ser issegwi protokoll speċifiku ta’ restrizzjonijiet minimi kif iggwidati mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan qed isir bħala parti minn programm pilota bl-għan ewlieni li jwassal biex tiġi determinata t-triq ’il quddiem għal attivitajiet artistiċi, kulturali u ta’ divertiment mibnija fuq riċerka u analiżi ta’ informazzjoni li se tinġabar tul dan il-proċess.
Għal din l-attività se jidħlu 300 persuna vvaċinata, li ma jkollhiex għalfejn tagħmel test qabel tattendi l-attività, ma jilbsux maskra, ma josservawx miżuri ta' distanza soċjali imma li jridu joqgħodu għal PCR Test sebat'ijiem wara l-avveniment. Il-persuni li se jattendu ma jistgħux ikunu siefru sa 14-il jum qabel l-avveniment. Mhuwiex rakkomandat li persuni vulnerabbli jattendu għal din l-attività pilota.
Din l-attività, li qed tiġi organizzata għal 300 persuna, qed tittella’ b’kollaborazzjoni bejn Festivals Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll l-MEIA, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi artisti fosthom DANUSAN, Comedy Knights u BlaKondixin.