Aquilina u Delia ilhom ħames ġimgħat bis-sigurtà tal-pulizija

...wara li rrappurtaw theddid fil-konfront tagħhom

Robert Aquilina, President tal-għaqda Repubblika u Manuel Delia, ilhom li ngħataw sigurtà mill-Korp tal-Pulizija ħames ġimgħat, wara rapport li għamlu huma stess lill-pulizija. Dan ikkonfermah mal-gazzetta ILLUM l-istess Aquilina meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ILLUM. 

Mistoqsi fil-fatt jekk hix l-impressjoni tal-gazzetta jew hux minnu li ma tantx sar storbju mill-għaqda fuq dak li allega Manuel Delia, Aquilina kkonferma li Repubblika ma tantx tkellmet dwar il-każ u qal li l-għaqda ma ħassitiex daqstant komda titkellem dwar membri tagħha stess. Sostna li ħames ġimgħat ilu, meta hu u Delia marru l-għassa tal-pulizija jagħmlu rapport lill-pulizija wkoll ma kienu qalu xejn fil-pubbliku. 

Mistoqsi għaliex fetħu rapport l-għassa Aquilina sostna illi kien sar theddid, kemm fil-konfront tiegħu u ta' xi membri tal-familja tiegħu u anke fil-konfront ta' Manuel Delia. Kompla jgħid li lilu kien kellmu politiku mill-Partit Laburista li kien esprima t-tħassib għas-sigurtà tiegħu, speċjament issa, li bdiet riesqa elezzjoni. Huwa qal li għandu xhieda ta' dak li qal dan il-politiku, li iżda ma xtaqx isemmi ismu. 

Kien f'dan il-punt li Robert Aquilina żvela li kemm hu kif ukoll Manuel Delia kienu ngħataw sigurtà mill-Korp tal-Pulizija, liema sigurtà għadha tingħata sal-lum.

Mistoqsi dwar dak li seħħ fl-aħħar jiem u l-istorja ta' The Shift News dwar Manuel Delia, Aquilina ddefenda lil Delia u qal li hu sejjer fuq programm li jagħti protezzjoni lill-ġurnalisti u fuq talba tiegħu stess se jkun qed jibqa' jaħdem għal Repubblika fl-impjieg part-time li hu għandu mal-għaqda. Huwa qal ukoll li dan se jkun qed jingħata bħal stipendju ta' €1,000 fix-xahar, sakemm idum hemmhekk - kif fil-fatt jingħata kull min imur fuq dan il-programm.  

Mistoqsi jafx eżatt x'inhu t-theddid li Delia qed jgħid li waslu biex jitlaq minn Malta u hux qed jimplika lil Yorgen Fenech - akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - f'dan l-istess theddid, Aquilina sostna li hu ma jafx eżatt in-natura ta' dan it-theddid, għalkemm jaf li sarulu xi telefonati matul il-lejl u jaf ukoll li Fenech kien heddu b'libell ta' miljuni. 

U finalment mistoqsi minn fejn Repubblika qed iġġib il-flus biex tħallas għal dan l-impjieg ta' Delia, Aquilina qal li  l-flus tal-għaqda "kollha kemm huma" jiġu minn dak li jagħti l-pubbliku. 

More in Politika