Il-'misteru' ta' €10,000 li 'sparixxew' mill-Ħabs

Xhieda fil-Qorti dwar kif madwar €10,000 ta' raġel akkużat b'evażjoni tat-taxxa "sparixxew"

Illum il-Qorti semgħet kif misterjożament "sparixxew" €10,000 fi flus kontanti fil-Ħabs li kienu ta' raġel li inżamm taħt il-kustodja tal-pulizija fuq akkużi ta' ħasil ta' flus u li kien se jsiefer b'ħafna flus kontanti mhux iddikjarati 

Ir-raġel mis-Somalja, akkużat li kien qed jittrasporta €160,000 'l barra mill-pajjiż, dalgħodu reġa' deher quddiem il-Qorti b'uffiċjal tal-Pulizija jgħid li meta nqabad, fil-pussess tiegħu, kellu envelopp kannella li fih kien hemm €10,000. 

Huwa ttieħed il-lock-up u l-għada iżda rriżulta pożittiv għall-Covid-19. Sa dak il-ħin huwa kien għad kellu l-envelopp bil-flus. 

Il-Maġistrat staqsa jekk forsi l-akkużat ħalliex l-envelopp fil-karozza, imma x-xhud qal illi saret tfittxija fil-karozza iżda dawn il-flus ma nstabux. Imbagħad fis-17 ta' Settembru l-uffiċjali tal-pulizija marru biex jiġbru dawn l-€10,000 mill-faċilità, imma qalulhom li ma hemm ebda rekord ta' dawn il-flus. 

L-akkużat qal li hu kien għadda dawn il-flus lil uffiċjal tal-ħabs li identifika minn ritratt. Tfittxijiet fir-residenza tal-akkużat ukoll ma waslitx biex instabu dawn il-flus. 

L-avukat Franco Debono - li deher għall-akkużat -  staqsa lill-uffiċjal li kien qed jixhed u li kien parti mill-iskorta tal-akkużat, jekk kienx ra flus fil-faċilità bix-xhud iwieġeb fil-pożittiv. 

L-avukat Karl Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li flimkien mal-Ispettur Oriana Spiteri mexxa l-Prosekuzzjoni, oġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest bl-avukat Debono jgħid illi l-klijent tiegħu kien diġà ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor li jitratta l-ħasil tal-flus u allura ma jara l-ebda raġuni għalfejn din għandha tkun ikkontestata. 

 

 

More in Politika