Il-PN jipproponi li jiżdied il-leave tal-paternità: Minn jum għal tliet ġimgħat
Ħames proposti tal-PN għall-qasam tal-familja...
More in Politika
Ħames proposti tal-PN għall-qasam tal-familja...
Waqt konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata mill-MEP tal-PN David Casa u l-Kandidati tal-PN Ivan Castillo u Graziella Attard Previ l-Partit Nazzjonalista ħabbar ħames proposti ġodda li jitrattaw il-qasam tal-familja. Dawn huma: Il-paternity leave jiżdied minn jum għal tliet ġimgħat, il-leave tal-ġenituri għandu jibda jingħata bi ħlas, ħaddiema self employed għandhom ikunu intitolati għal leave tal-maternità, paternità u tal-ġenituri u finalment sussidju għal dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal, jiġifieri meta ġenituri jibqgħu d-dar biex irabbu lil uliedhom. Il-PN qed jipproponi wkoll li jkun hemm parental bereavment leave, għal meta sfortunatament ġenitur jitlef lil wieħed minn uliedu.
L-MEP Casa fakkar li hu kien ħadem fuq id-Direttiva ta' Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja u fakkar ukoll li din tagħti diversi drittijiet, fosthom li kull missier - bil-Liġi - jingħata 10 ijiem leave mat-twelid tat-tarbija. Huwa fakkar li dawn id-dirttijiet se jkunu jeħtieġu jidħlu fis-seħħ f'Awwissu 2022.
Casa qal li ma tagħmilx sens u mhux ġusta li missier, l-għada li titwieled tarbija jkollu jidħol lura għax-xogħol, filwaqt li qal illi ħafna ma jiħdux leave tal-ġenituri propju għax dan ma jitħallasx - għalhekk il-PN irid li dan il-leave "jitħallas kollu bil-piż kollu jkun fuq il-Gvern Malti," qal Casa. Huwa ċċara li dawn il-proposti jgħoddu għal kull tip ta' familja u qal ukoll li l-PN irid li jekk ikun fil-Gvern iwettaq dawn il-proposti mill-ewwel.
Il-Kandidat Ivan Castillo qal li bħala soċjetà moderna huwa importanti li jkun żgurat bilanċ. "Dawn il-proposti għandhom il-familji fiċ-ċentru, u kull familja tibbenifika minn dawn il-proposti - li ma jkunx hemm differenza u diskriminazzjoni minn familja għall-oħra." Huwa spjega kif fuq is-self employed se jgawdu minn din il-miżura eluf ta' persuni - 31,336 raġel u 41,787 familja u reġa' għamel aċċenn fuq il-fatt li l-piżijiet se jinġarru mill-Gvern.
Intant Attard Previ, li hija wkoll President tal-Moviment Nisa PN, qalet li hija kburija b'dawn il-miżuri li qed iressaq il-PN. Hija għamlet aċċenn fuq il-bżonn li jiġu indirizzati r-realtajiet tal-familji n-nisa Maltin. Hija qalet illi fil-każ tal-miżura li titratta t-trobbija tat-tfal u sussidju, il-PN qed jipproponi li għal dan jistgħu japplikaw ġenituri ħaddiema, tnejn jew single parents, bit-tnejn ikunu f'impjieg full time, sakemm it-tfal ikollhom 12-il sena. Dan is-sussidju jista' jkun tax-rebate ta' 50% tal-ispejjeż li jmorru propju għat-trobbija tat-tfal.