Biżżejjed evidenza biex direttur tal-Bank Pilatus titpoġġa taħt att ta' akkuża

 Claude Anne Sant Fournier u l-bank innifsu qed ikunu akkużat b'ħasil ta' flus

 

Il-Maġistrat li qed tmexxi l-kumpilazzjoni ta'evidenza kontra direttur tal-Bank Pilatus iddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużat titpoġġa taħt att ta' akkuża ta' ħasil ta' flus.

Il-każ kontra Claude Anne Sant Fournier kompla dalgħodu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Sant Fournier, li orġinarjament kienet 'money laundering reporting officer' tal-istess bank, qed tkun akkużata, flimkien mal-bank innifsu, b'ħasil ta' flus.

Kemm il-Bank u anke Sant Fournier tressqu l-Qorti fit-2 ta' Settembru li għadda. 

Dawn il-passi ttieħdu ftit jiem biss wara li l-bank, li issa huwa magħluq, weħel multa ta' €5 miljun wara l-investigazzjoni tal-FIAU.

F'seduta oħra, quddiem il-Qorti kien instema' kif Sant Fournier għamlet diversi żbalji amministrattivi li waslu biex l-investigaturi jikkonkludu li kienet qed tassisti l-ħasil tal-flus. 

Madanakollu, id-Difiża qed tisħaq li Sant Fournier ma għamlet l-ebda gwadann finanzjarju mill-allegat ħasil ta' flus.

il-bank kien ingħalaq fi Frar tal-2018 wara l-arrest ta' Hasheminejad, bil-liċenzja tiegħu tkun revokata mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-bank kien implikat ukoll fil-kwistjoni Egrant. Fil-fatt, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li $1 miljun kienu għaddew mill-familja Aliyev tal-Ażebajġan għal kont ta' mart l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dwar dan kienet saret inkjesta maġisterjali, liema inkjesta ma kinitx sabet prova li Egrant kienet tal-familja Muscat u li għaddew dawn il-flus.

Madanakollu, sadanittant, nuqqasijiet oħra tal-Bank Pilatus, fosthom kontijiet ta' diversi uffiċjali mill-Ażebarjġan, poġġew lill-bank taħt il-lenti ta' investigaturi finanzjarji.

Wara l-arrest ta' Hasheminejad, l-MFSA kienet bdiet investigazzjoni, flimkin mal-FIAU fuq kull tranżazzjoni li kellu l-bank.

L-FIAU sab nuqqasijiet serji ta' dokumentazzjoni dwar klijenti ta' dan il-bank u nnutat kif f'ħafna każi l-bank la kellu dokumenti biex juru kif miljuni kbar spiċċaw f'kontijiet ta' klijenti u lanqas kif seta' jispjega diskrepanzi ċari.

Fost dawn il-bank ma setax juri kif kont ta' klijent partikolari kellu €20 miljun fih, ma setax jipprova s-sors tal-ġid ta' klijent li kellu €100 miljun fil-kontijiet fil-Pilatus u f'każ ieħor il-bank ma setax jispjega diskrepanza ta' klijent li kellu dħul ta' €10 miljuni fil-kont, pero li ddikjara paga ta' €190,000 fis-sena. 

More in Politika