L-eks Spettur tal-Pulizija u eks Maniġer fl-FIAU Jonathan Ferris se jkun qed jiġi akkużat bi sperġur - jiġifieri li gideb waqt li kien qed jixhed - quddiem il-Qorti fuq il-każ ta' Egrant. Kien fil-fatt l-Imħallef (dak iż-żmien Maġistrat) Aaron Bugeja li wkoll għamel din l-akkuża fil-konfront ta' Ferris f'rapport estensiv li kien ippubblika dwar l-allegazzjoni li Egrant Inc. - kumpanija fil-Panama - kienet ta' Michelle Muscat. Hu ma kien sab ebda evidenza li torbot il-kumpanija Egrant ma' Muscat.
Waqt ix-xhieda tiegħu lill-inkjesta Ferris kien qal illi tranżazzjoni ta' $600,000 għaddew minn persuna esposta politikament (PeP) mill-Ażerbajġan għall-kumpanija Buttardi, tal-ħabiba ta' Michelle Muscat. Analiżi forensika ma kienet sabet ebda traċċi ta' din it-tranżazzjoni bejn Leyla Aliyeva - bint id-dittatur Ilham Aliyev u l-kumpanija Maltija.
Ferris kien allega li l-pagament kien sar daqslikieku kien self.
Il-pulizija kienu interrogaw lil Ferris f'Awwissu 2018 wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta illi fiha Bugeja jistaqsi kif dan kien wasal għall-konklużjoni li tali tranżazzjoni kienet saret. Ferris kien qed jiltob li jingħata status ta' whistleblower fuq informazzjoni li jgħid li għandu fuq korruzzjoni fl-FIAU. L-applikazzjoni tiegħu ma kinitx ġiet milqugħa.
Jonathan Ferris kien allega wkoll li l-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew John Dalli kienu qallu illi Egrant kienet tfisser 'Election Grant' u kienet tal-Partit Laburista. Dalli kien ċaħad tali konverżazzjoni.
Il-Maġitsrat Marseanne Farrugia qed tippresiedi fuq il-każ.