Il-Familja Caruana Galizia appellat lill-Gvern ta' Malta biex jikkundanna l-klima ta’ impunità u r-retorika negattiva identifikata mill-inkjesta pubblika.
Huma saħqu li huma għandu jkollhom ukoll involviment sinifikanti f’dak li ġej. Il-familja tgħid li qed isserraħ fuq il-Prim Ministru biex jikkonsulta magħhom u s-soċjetà ċivili dwar il-prinċipji fundamentali għall-kumitat indipendenti, u fuq termini ta’ referenza sinifikanti biex jimplimentaw dawk il-prinċipji.
"Dan il-proċess ta' konsultazzjoni huwa l-ewwel pass essenzjali qabel ma jiġu fformulati u kkonsultati r-rwoli proposti tal-membri tal-kumitat."
Dan kollu intqal mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia filwaqt li fakkru li l-Inkjesta Pubblika sabet li l-Istat għandu jerfa' r-responsabbiltà għall-qtil tal-ġurnalista.
"B’hekk l-inkjesta tat lil Malta opportunità storika biex tittrasforma lilha nnifisha mill-pajjiż magħruf għall-isplużjoni ta' bomba li ħadet ħajjet ġurnalista, f’pajjiż rikonoxxut għar-rispons tiegħu għal dik it-trawma."