Analiżi | Elezzjoni f'Novembru, Marzu jew Mejju/Ġunju ... Imma Abela x'jaqbillu?
L-elezzjoni fil-qrib. Meta ssir se jiddependi fuq meta l-Prim Ministru - li hija l-prerogattiva tiegħu li jsejjaħha - iħoss li jaqbel l-aktar lilu u lill-Partit Laburista. L-aktar li qed jissemmew b'persistenza huma Novembru u Marzu li ġej, imma hemm ukoll possibilità ta' elezzjoni f'Mejju jew Ġunju. Abela x'jaqbillu?
minn Albert Gauci Cunningham
Minkejja li l-Prim Ministru kellu raġun meta qal li ż-żmien li fiha ġejja l-elezzjoni mhijiex "fuq fomm kulħadd", fir-realtà hija fuq fomm ħafna nies inkluż ħafna nies fil-Partit Laburista stess li għandhom xi kariga jew inkella li jagħtu s-sehem tagħhom fl-elezzjonijiet - inkluż canvassers, counting agents u diversi oħrajn.
Iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar l-għażla qed tidher ċara: Novembru li ġej, Marzu tas-sena d-dieħla jew inkella saħansitra Mejju jew Ġunju tal-2022.
F'din l-analiżi l-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa qasira lejn il-kunsiderazzjonijiet li jista' jkun għadu qed jevalwa l-Prim Ministru sabiex jasal għad-deċiżjoni tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar tibqa' prerogattiva tiegħu.
Novembru - Il-magni inxtegħlu!
Raġuni għalfejn Abela jaf qed jikkunsidra elezzjoni f'Novembru jew inkella li jsejjaħha f'Jannar, biex issir fi Frar/Marzu huwa l-fatt li xi ftit jew wisq il-magni tal-partiti nxtegħlu, ħafna billboards twaħħlu mill-PN u anke mill-Gvern (li forsi mbagħad jintużaw mill-PL) u l-kelma qed tiġri, fost ħafna mill-għeruq u fost il-poplu wkoll. Min jgħid is-27 ta' Novembru u min jgħid l-20 - bit-tħabbira tiġi din il-ġimgħa jew kmieni d-dieħla.
Għalkemm l-elezzjonijiet illum ma għadhomx dak li kienu snin ilu, u għalkemm illum waqt kampanja elettorali l-ħajja tibqa' għaddejja xi ftit jew wisq normali (ħlief għall-ġurnalisti u l-politiċi) daqslikieku mhu jiġri xejn kbir, xorta l-element tal-inċertezza jibqa'. L-ewwel li jħossu din l-inċertezza huma n-negozji hekk kif bidla fil-Gvern taf iġġib bidla fid-direzzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż.
Issa x-xniegħa qed tiġri u ngħiduha kif inhi l-PM mhux eżattament qed jgħin billi ma jweġibx għal mistoqsijiet dwar jekk il-Baġit hux se jkun approvat jew le.
Din l-inċertezza tista' ttul biss għal ftit aktar, għaliex inċertezza li tiġġebbed ma tagħmilx ġid għan-negozju, speċjalment wara pandemija li rat eluf ta' negozji jieħdu daqqa liema bħalha.
Iktar kemm din l-inċertezza tittawwal ikbar ikun id-dannu fuq in-negozju u iktar jibqa' jinħass li l-pajjiż huwa "mdendel" jistenna elezzjoni ejja. Dan jagħmel elezzjoni f'Mejju jew Ġunju tas-sena d-dieħla, xi ħaġa ħafna inqas possibbli u ftit li xejn attraenti għal dawk li jridu ċ-ċertezza fil-pajjiż, mhux l-inqas in-negozji.
Ma jiffaċċjax ċerta mozzjonijiet jew rivelazzjonijiet li jpoġġuh f'pożizzjoni antipatka!
Abela għandu mozzjoni qed tistennieh u Ministru mdendel, li jidher ċar illi qed jittituba biex dwarhom għal raġunijiet politiċi ovvji. Fl-ewwel sena Abela ma ddejjaq xejn ikeċċi lil Konrad Mizzi b'mod xejn ċerimonjuż mill-Partit Laburista, filwaqt li warrab mill-partit u l-Gvern diversi nies oħrajn li fuqhom kien hemm akkużi, dellijiet jew inkella kritika ħarxa fosthom - u kif mistenni - Keith Schembri, talab lil Chris Cardona jirrżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u minn Ministru, neħħa lil Neville Gafa' mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, neħħa lil Justyne Caruana minn Ministru minħabba l-qrubja tal-eks żewġha Silvio Valletta ma' Yorgen Fenech (u reġa' poġġieha xhur wara) u neħħa wkoll lil Rosianne Cutajar mill-inkarigu li kellha bħala Segretarju Parlamentari tal-Ugwaljanza wara akkużi illi rċeviet u ma ddikjaratx qligħ minn senserija ta' proprjetà li kienet se tinbigħ, lil Yorgen Fenech fl-Imdina.
Minkejja li l-perċezzjoni pożittiva fost sezzjoni tal-poplu hija li Abela - kuntrarjament għal Joseph Muscat - jiddeċiedi u ma jiddejjaqx ineħħi lin-nies, huwa fatt ukoll li dan kollu qed jaħraq xi ftit ta' pontijiet mhux ħażin bejn Abela u dawk in-nies ta' madwaru li wara kollox hu għandu bżonn biex jibqa' jiggverna.
Issa Abela għandu mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis. Din il-mozzjoni jekk tiġi mressqa se tfisser uġigħ ta' ras kbira għall-Gvern u oppportunità tajba għall-Oppożizzjoni biex din tagħfas fuq il-messaġġ tagħha li Abela huwa "kontinwità tal-korruzzjoni ta' Muscat."
Jekk il-Partit Laburista jagħti daharu lil Zammit Lewis joħloq iktar animożità fost il-partitarji, speċjalment dawk tat-Tmien Distrett fejn diġà mhux se jkun kandidat Chris Cardona, li mhux xi sigriet illi kien popolari f'Birkirkara. Se joħloq ukoll iktar animożita lejh minn persuna li jaf jerġa' jkun elett fl-elezzjoni ġenerali, li allura tfisser illi jkollu Deputat diżilluż u rrabjat għalih fil-Grupp Parlamentari tal-Leġiżlatura li jmiss!
Minn naħa l-oħra jekk il-Partit Laburista jappoġġja lil Zammit Lewis, se jkun qed jiftaħ lilu nnifsu għall-kritika qawwija mill-Oppożizzjoni u Repubblika li qed jappoġġja lil xi ħadd li kien "qrib ta' Yorgen". Dan jaf jagħti ftit impetu u skop tant meħtieġ lill-Oppożizzjoni li qed tidher pjuttost dgħajfa qabel elezzjoni ġenerali.
Hemm ukoll l-allegazzjonijiet kontra Carmelo Abela, li jafu jmorru favur il-Ministru miż-Żejtun u allura dak ikun preġju għalih u daqqa kbira għall-PN u Jason Azzopardi, imma jekk imorru kontrih u b'xi mod jiġi pprovat li l-allegazzjoni li hu kien parti minn serqa ta' bank tirriżulta minnha, il-Prim Ministru Abela jkollu l-inkwiet! U inkwiet kbir!
Elezzjoni twaqqa' l-mozzjoni kontra Zammit Lewis għax il-Parlament ikun xolt u elezzjoni bħalissa - jekk tintrebaħ mill-Partit Laburista bil-mod kif qed jindikaw is-sondaġġi - se tħalli lill-PN maqbud f'ħafna mistoqsijiet u probabbilment sfidi interni wisq kbar biex ikun moħħu f'Zammit Lewis.
Jekk l-elezzjoni issir f'Novembru l-mozzjoni taqa' issa, jekk issir f'Marzu l-Gvern għandu fejn jimmanuvra - anke fid-dawl tad-diskussjoni dwar l-estimi tal-Baġit, li tibqa' sejra sal-15 ta' Novembru, kif ipprogrammat u allura dan jħalli biss madwar xahar qabel il-Parlament jagħlaq għall-Milied (u ma jerġax jiltaqa' għax Abela jxolji f'Jannar).
Ikun diffiċli ferm iżda jekk mhux impossibbli li l-Gvern jaħrab minn dan id-dibattitu sa April jew saħansitra Mejju!
Iżda aktar minn dan kollu, elezzjoni fil-ġimgħat li ġejjin - b'mod speċjali jekk tintrebaħ mill-PL b'marġini kbar - tagħti ċans lil Robert Abela biex jkollu t-tim tiegħu, li jagħżel hu u li jirrispondi għalihom hu, fil-Kabinett.
U minn hawn għalhekk immorru għal punt importanti: Il-leġittimità morali ta' Robert Abela.
Leġittimità!
Naturalment Abela huwa Prim Ministru leġittimu, għaliex in-norma f'Malta hija li l-mexxej tal-akbar partit fil-Parlament ikun il-Prim Ministru. Abela rebaħ b'mod konvinċenti ħafna l-elezzjoni għal Mexxej Laburista ġdid f'Jannar 2020, b'madwar 57% tal-voti tal-membri.
Minkejja dan, il-fatt jibqa' li Abela qatt ma qagħad għat-test kruċjali mal-elettorat u l-leġittimità tiegħu ġejja mil-Liġi u r-regolamenti demokratiċi, iktar milli mill-approvazzjoni demkoratika tal-poplu. Dan ifisser li minkejja kull deċiżjoni li ħa, hu għadu qed jiggverna bil-maġġoranza li kiseb Joseph Muscat.
Huwa billi Prim Ministru jkollu l-akbar forma ta' leġittimità li tagħtih is-saħħa biex jiddeċiedi u jifforma t-tim li jixtieq hu.
Sakemm imur għal elezzjoni u jikseb mandat popolari Abela jibqa' jkollu dan ir-rekwiżit demokratiku importanti li kellu kull Prim Ministru Malti mill-Indipendenza - ħlief Karmenu Mifsud Bonnici - nieqes!
Illum, is-sondaġġi qed juru li Abela dak il-mandat jista' jiksbu bil-qawwi, b'ċans li saħansitra l-PL jkabbar id-distakk tal-2017. Probabbilment - elezzjoni msejħa wara Milied tajjeb - tliet xhur oħra - ma tbiddilx ix-xenarju wisq, għalkemm kif jgħidu ġurnata hija twila ħafna fil-politika. Imma fuq elezzjoni msejħa wara l-Għid il-Kbir - li se jiġi ċċeebrat fis-17 ta' April, u allura sitt xhur oħra, - qed nitkellmu fuq xenarju kompletament differenti minn dak tal-lum.
Il-pandemija, l-ekonomija u l-flus fil-but!
Il-mistoqsija hija: Il-Prim Ministru fuqhiex irid jiġġieled l-elezzjoni?
L-aħħar sondaġġ ippubblikat fuq il-gazzetta oħt Maltatoday huwa ċar li l-aktar żewġ kwistjonijiet importanti għan-nies meta se jivvutaw huma: L-ekonomija u l-flus fil-but!
Fil-fatt mistoqsijin: "Liema minn dawn il-ħames kwistjonijiet huma l-aktar importanti għalik? Ekonomija, flus fil-but, ambjent, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-immigrazzjoni" - xejn inqas minn 68.9% semmew l-ekonomija u l-flus fil-but. Fil-fatt 39.5% semmew l-ekonomija u 29.4% semmew il-flus fil-but. Minn naħa l-oħra 21% semmew l-ambjent.
Mela huwa ċar li l-elezzjoni se tiġi miġġielda fuq dawn it-tlieta suġġetti - għall-inqas minn naħa tal-PL.
Issa l-poplu kif jaħseb li l-Gvern qed imexxi fuq l-ekonomija u l-flus fil-but?
L-istess sondaġġ juri kif 54% tal-poplu jemmen li l-Gvern qed imexxi l-ekonomija b'mod tajjeb jew tajjeb ħafna. Kważi 34% jemmnu li qed imexxiha la ħażin u lanqas tajjeb u huma biss 11.1% li jaħsbu li qed imexxi l-ekonomija ħażin jew ħażin ħafna.
Fuq il-flus fil-but maġġoranza relattiva ta' 41.3% qed jgħidu li l-Gvern qed imexxi tajjeb jew tajjeb ħafna, filwaqt li 37.4% jgħidu li la tajjeb u lanqas ħażin. Huma biss 19.5% li jwieġbu ħażin jew ħażin ħafna.
Terġa' u tgħid dan is-sondaġġ sar ġimgħa qabel il-Baġit. Dan l-eżerċizzju finanzjarju li kien milqugħ b'mod tajjeb minn bosta, inkluż minn ħafna mill-imsieħba soċjali, jaf reġa' biddel dawn in-numri biex aktar nies huma pożittivi dwar t-tmexxija ekonomika u finanzjarja tal-Gvern.
Fuq l-ambent il-Gvern ta' Abela jmur ħażin ħafna b'51.1% jgħidu li qed imexxi ħażin jew ħażin ħafna f'dan is-settur.
Mela n-numri qed juru ċar li l-Gvern - l-akbar saħħa tiegħu hija fl-ekonomija, il-finanzi u l-flus. Jekk se jieħu dan in kunsiderazzjoni, mela l-aqwa żmien għall-Partit Laburista biex issir elezzjoni hija issa - bil-Baġit milqugħ tajjeb frisk f'moħħ kulħadd, jew inkella f'Jannar meta n-nies jibdew jirċievu ċ-ċekkijiet u l-benefiċċji biż-żieda.
Sa April/Mejju/Ġunju - politikament - il-baġit isir passat remot, a non issue!
Elezzjoni issa jew f'Marzu, mingħajr inwkiet serju fuq il-flus fil-but, iħalli lill-Prim Ministru jiffoka aktar fuq il-kwistjoni ambjentali, li jidher ċar li hawn inwkiet serju u ġenwin fuqha!
Elezzjoni bikrija u baġit imdendel?
L-aħħar kwistjoni hija dik dwar elezzjoni bikrija. Elezzjoni f'Novembru jfisser li l-Gvern ikun sejjaħha fis-sena ta' qabel, wara erba' snin u ħames xhur mill-elezzjoni tal-2017.
Din tibqa' allura elezzjoni bikrija, wara li dik tal-2017 ġiet kważi sena qabel. Din se terġa' tiftaħ lill-PL għall-kritika li għal raġuni jew oħra qatt ma jlesti leġiżlatura sħiħa, xi ħaġa li manifestament iddejjaq ukoll lil settur mill-għeruq tal-Partit Laburista.
F'Marzu - anke jekk hija biss erba' xhur wara elezzjoni f'Novmebru - l-elezzjoni tkun saret fis-sena l-propju tagħha u allura teknikament tiġi saret fi żmienha.
Fi żmienha eżatt jibqa' Mejju jew Ġunju. Jiġifieri jekk il-Partit Laburista u Robert Abela jixtieq li jkun spiċċa l-leġiżlatura kollha kemm hi, sal-inqas ġimgħat - l-elezzjoni jagħmilha f'Mejju jew Ġunju.
Jekk hu jemmen li jista' jsostni l-maġġoranza li għandu llum - anke fid-dawl ta' riskji, bħall-Covid-19, prezzijiet jiżdiedu tal-fjuwils, prezzijiet tal-ikel li qed jiżdiedu internazzjonalment - inkluż lokalment, mozzjonijiet kontra Ministri fil-Kabinett tiegħu u aktar rabja fuq l-ambjent, nidħlu fiċ-ċans ta' elezzjoni seba' jew tmien xhur oħra!