Konrad Mizzi jerġa' ma jmurx quddiem il-PAC għax 'l-avukat mhuwiex disponibbli'

Ilbieraħ Mizzi qal li kien se jitla' jixhed wara li rrifjuta li jidher darbtejn quddiem il-Kumitat

L-eks Ministru Konrad Mizzi reġa' mhux se jitla' jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li kellu jiltaqa' llum waranofsinhar biex ikompli jiddiskuti l-kuntratt kontroversjali tal-Electrogas u dan minkejja li lbieraħ ħabbar li kien se jattendi.

Fuq Facebook, Mizzi saħaq li mhux se jitla' jixhed għax l-Avukat tiegħu ma jistax jattendi llum.

"Ilbieraħ tard filgħaxija, Beppe Fenech Adami bl-arroganza kollha bagħat ‘jordnali’ sabiex nattendi għall-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-lum. Jien mhux ser noqgħod għal din l-arroganza. Huwa d-dritt tiegħi li nkun assistit minn avukat tal- fiduċja tiegħi waqt il-laqgħa tal-Kumitat, u dan ma jistax iseħħ illum peress li l-avukat mhux disponibbli llum stess, ħabta u sabta, u mingħajr preavviż xieraq," insista Konrad Mizzi.

Saħaq li jrid iserraħ ras Fenech Adami li se jitla' jixhed f'ġurnata konvenjenti għall-partijiet kollha.

"Mhux se nħallik tagħmel dan il-kumitat eżeċizzju politiku pariġġjan sabiex joskura l-ħidma tal-Gvern Laburista u joskura l-benefiċċji li ta dan il-proġett, fosthom ir-roħs tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, it-tnaqqis fl-emissjonijiet fl-arja, u l-għeluq tal-Power Station," insista Mizzi.

Mizzi kien ħabbar ilbieraħ li se jixhed wara li naqas milli jidher quddiem dan il-Kumitat darbtejn minkejja t-talbiet li sarulu.

Ilbieraħ id-deputati Beppe Fenech Adami, Carol Aquilina u Ryan Callus, bħala parti mill-Kumitat ħabbru li ressqu mozzjoni biex id-Deptutat Konrad Mizzi, ikun ordnat jitla’ jixhed quddiem il-Kumitat.

Madankollu, ftit siegħat wara li ressqu din il-mozzjoni, Mizzi stqarr fuq Facebook li ser ikun qiegħed jixhed quddiem il-Kumitat u li kien se jagħmel minn jheddu biex ma jtellifx il-ħidma u d-diskors tal-Prim Ministru.

Konrad Mizzi, implikat fil-Panama Papers kien tkeċċa mill-Partit Laburista fl-2020 wara li kien ġie żvelat l-iskandlu tal-windfarm tal-Montenegro u r-rabta bejn l-investiment tal-Enemalta u l-kumpanija 17 Black ta' Yorgen Fenech.

Ta' min ifakkar ukoll li l-kumpanija ta' Mizzi fil-Panama kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpanija ta' Yorgen Fenech 17 Black, li fiha daħlu eluf ta' ewro, fosthom mill-aġent lokali tat-tanker tal-gass, li huwa parti essenzjali mill-powerstation tal-Electogas.

Yorgen Fenech illum huwa akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u b'akkużi oħra fosthom ta' ħasil ta' flus.

More in Politika